Futbol Sport

Liverpool jaffrontaw lil Arsenal fit-12-il ġurnata

Wara l-waqfa internazzjonali, il-Premier League jirritorna b’partita klassika, fejn f’Anfield Liverpool se jaffrontaw lil Arsenal. Il-Gunners immexxija mill-coach żgħażugħ Mikel Arteta għamlu titjib sinifikanti wara t-tliet telfiet li sofrew fil-bidu tal-istaġun, hekk kif jinsabu fil-ħames tal-klassifika, propjru żewġ punti taħt l-avversarji, Liverpool. Min-naħa tiegħu it-tim immexxi minn Jurgen Klopp se jkun qed iħares li jirritorna għar-rebħ, wara d-disfatta li kellhom fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra West Ham.

Arsenal ilhom għaxar partiti mingħajr telfa fil-kompetizzjonijiet kollha, iżda f’Anfield huma mistennija jaffaċjaw l-akbar test f’din is-serje ta’ partiti mhux megħluba. L-istatistika riċenti tiffavorixxi aktar lil Liverpool li rebħu l-aħħar ħames konfronti f’darhom kontra Arsenal, b’Jurgen Klopp jitlef biss darba kontra Arsenal fil-Premier League, minn ħdax-il partita.

F’partita oħra interessanti mit-12-il ġurnata tal-Premier League, Chelsea se jaffrontaw lil Leicester fil-King Power Stadium. Chelsea huma l-leaders attwali b’26 punt u se jkunu qed iħarsu li jiftħu vantaġġ akbar f’ras il-klassifika. Min-naħa tagħhom għal Leciester dan kien bidu ta’ staġun xi ftit jew wisq diżappunanti meta wieħed iqis li attwalment jinsabu fit-12-il post tal-klassifika bi 15-il punt. Madanakollu fl-aħħar tliet partiti it-tim immexxi minn Brendan Rodgers rebaħ l-aħħar tliet partiti f’daru kontra Chelsea li jawgura tajjeb għall-partita tas-Sibt. Minkejja dan, it-tim ta’ Chelsea, taħt il-gwida ta’ Thomas Tuchel, qed ikun dominanti fil-partiti tiegħu, u Leicester irid ikollhom prestazzjoni kważi perfetta, jekk iridu jiksbu xi ħaġa minn dan il-konfront.

Intant, f’partita oħra f’Vicarage Road, Watford se jaffrontaw lil Man Utd. Għar-Red Devils tliet punti huma mperattivi wara d-diżappunti li kellhom qabel il-waqfa fosthom telfiet umiljanti kontra Liverpool kif ukoll Man City. Il-pressjoni fuq il-coach Ole Gunnar Solskjaer baqgħet tinħass minkejja l-waqfa internazzjonali, b’bosta rapporti fl-Ingilterra jindikaw li telfa kontra Watford, jaf tkun it-tmiem ta’ Solskjaer fit-tmexxija ta’ Man Utd. Min-naħa l-oħra Watford għandhom bżonn l-punti sabiex jinqalgħu mis-17-il post tal-klassifika, bil-coach Claudio Ranieri għadu qed jadatta u jsib l-aħjar formazzjoni fl-ewwel partiti tiegħu mal-club.

PREMIER LEAGUE

Illum Leicester v Chelsea 1.30pm, Newcastle v Brentford 4.00pm, Burnley v C’Palace 4.00pm, Aston Villa v Brighton 4.00pm, Watford v Man Utd 4.00pm, Wolves v West Ham 4.00pm, Norwich v Southampton 4.00pm, Liverpool v Arsenal 6.30pm Għada Man City v Everton 3.00pm, Tottenham v Leeds 5.30pm