Futbol Sport

Liverpool jegħlbu lil Arsenal… Man Utd umiljati minn Watford

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu rebħa mportanti f’darhom kontra Arsenal bl-iskor ta’ 4-0 biex b’hekk żammew il-pass ma’ Chelsea fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Madankollu, ġiet fi tmiemha is-serje ta’ 10 partiti mingħajr telfa għal Arsenal, li fit-tieni taqsima kienu ddominati mit-tim immexxi minn Jurgen Klopp. B’din ir-rebħa f’Anfield Liverpool ġew tliet punti taħt il-leaders Chelsea, b’Arsenal jibqgħu fil-5 post b’20 punt. Huma marru fil-vantaġġ fid-39 minuta meta minn cross ta’ Trent Alexander-Arnold kien Sadio Mane li kkonkluda bir-ras. Liverpool rduppjaw fit-52 minuta meta wara żball difensiv ta’ Nuuni Tavares kien Diogo Jota li bil-kalma kollha xeħet fil-lasta. Fit-73 minuta Mohammed Salah skorja s-16-il gowl tiegħu dan l-istaġun meta wara kontrattakk veloċi tefa’ fix-xibka mill-viċin. Biex erba’ minuti wara s-sostitur Takumi Minamino għamilhmom erba’ wara pass ta’ Trent Alexadner- Arnold.

Man Utd sofrew telfa oħra umiljanit din id-darba barra minn darhom kontra Watford bl-iskor ta’ 4-1. Dan ir-riżultat ikompli jitfa’ presssjoni fuq is-sidien ta’ Man Utd biex jieħdu deċiżjoni dwar il-coach Ole Gunnar Solskjaer. Fl-ewwel għaxar minuti Watford ingħataw żewġ penalties, li kienu salvati t-tnejn li huma mill-goalkeeper David De Gea. Minkejja dan, it-tim immexxi minn Claudio Ranieri marru fil-vantaġġ fit-28 minuta meta minn pass ta’ Emmanuel Dennis kien Joshua King li mill-viċin tefa’ fix-xibka għal 1-0. Watford irduppjaw minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn pass ta’ Kiko kien Ismaila Sarr li kkonkluda fil-lasta. Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Man Utd naqqsu d-distakk permezz tas-sostitut Donny van de Beek li kkonkluda mill-viċin. Minkejja dan Man Utd spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa Harru Maguire fid-69 minuta għat-tieni karta safra. Fl-aħħar minuti tal-partita Watford żiedu żewġ gowls oħra meta l-ewwel kien Joao Pedro li skorja, imbagħad Emmanuel Dennis li kkonkluda fix-xibka wara kontrattakk veloċi.

Aktar kmieni Chelsea kisbu rebħa komda ta’ 3-0 barra minn darhom għand Leicester. Chelsea fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta minn corner ta’ Ben Chilwell kien Antonio Rudiger li bir-ras tefa’ fix-xibka. N’Golo Kante rdoppjaw fit-28 minuta meta wara azzjoni personali għeleb lil Kasper Shcmeichel b’xutt minn barra il-kaxxa. Chelsea għalqu l-partita fil-71 minuta meta Hakin Ziyech għadda lejn is-sostitut Christian Pulisic li kkonkluda fil-lasta għal 3-0.

B’sorpriża West Ham kien megħlub barra minn darhom għand Wolves bl-iskor ta’ 1-0. West Ham kienu jinsabu fuq mixja pożittiva li rathom jitilgħu fit-tielet post tal-klassifika. Il-gowl uniku tal-partita wasal fit-58 minuta meta wara li bidel il-ballun tajjeb ma’ Daniel Podence, kien Raul Jimenez li kkonkluda fil-lasta għal 1-0.

PREMIER LEAGUE

Illum: Leicester v Chelsea 0-3, Newcastle v Brentford 3-3, Burnley v C’Palace 3-3, Aston Villa v Brighton 2-0, Watford v Man Utd 4-1, Wolves v West Ham 1-0, Norwich v Southampton 2-1, Liverpool v Arsenal 4-0 Għada Man City v Everton 3.00pm, Tottenham v Leeds 5.30pm