2 Kunsill Lokali u 8 organizzazzjoni jesprimu r-rabja tagħhom għall-aħħar attentat tal-Fortina biex jisirqu l-Bajja tal-Balluta bil-bini ta’ moll għal katamaran ta’ 33 metru dieħel u ħiereġ mill-bajja 22 darba kull jum.
L-applikazzjoni – PA 07251/21 – tfittex il-bini ta’ moll ikbar fuq l-istess sit ta’ applikazzjoni oħra li diġà ġiet approvata (PA 7628/19) u li attwalment qegħda tiġi kontestata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u bosta organizzazzjonijiet oħra quddiem it-tribunal tal-ambjent (EPRT). F’Ġunju ta’ din is-sena, tal-Fortina għamlu ġimgħa jippruvaw jibdew xogħol irregolari fuq il-moll fi staġun fejn xogħol bħal dan mhuwiex permess. Madanakollu l-kumpanija kellha tieħu pass lura wara r-reżistenza li wrew grupp ta’ residenti u attivisti bil-preżenza tagħhom fuq il-post.
Fi stqarrija maħruġa mill-Moviment Graffitti, huwa saħaq li din l-aħħar applikazzjoni hija prova tar-regħba bla qies ta’ ċertu kumpaniji u diżrispett assolut lejn il-politiki tal-ippjanar, il-benesseri tal-poplu u l-integrità ambjentali. Il-moll beħsiebhom jibnuh fil-parti tal-bajja fejn jgħumu n-nies, żona li skont il-Pjan Lokali, la għandha tkun għal katamaran u lanqas għall-imbark.
Il-katamaran ser ikompli jniġġes bajja diġà żgħira u jieħu post l-għum u l-attivitajiet sportivi u rekreattivi marbuta mal-bajja. Iż-żona maħnuqa b’kummerċ eċċessiv u l-kumpanija diġà ħadet biċċa kbira tal-kosta ta’ tas-Sliema bid-dgħajjes u l-attività ta’ Captain Morgan. Dan l-aħħar attentat tal-Fortina biex tkompli tespandi l-assi tagħha fil-Bajja tal-Balluta huwa att ta’ rebgħa kbira u serq sfaċċat tal-ftit spazju pubbliku li fadal fiż-żona.
L-Awtorità tal-Ippjanar rat 800 oġġezzjoni formali kontra din l-applikazzjoni l-ġdida. Madanakollu, tal-Fortina jafu li kemm l-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll l-entitajiet tal-gvern ser jagħmlu minn kollox biex jaġevolawhom billi tul il-proċess jinjoraw il-politiki tal-ippjanar u l-inkwiet tan-nies f’dan ir-rigward. Dan rajnieh isir meta l-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat l-ewwel applikazzjoni tal-Fortina għall-bini tal-moll.
Il-Moviment graffitti saħaq li n-nies mhumiex ser jaċċettaw iktar tifrik fil-kwalità tal-ħajja f’Malta u ser ikomplu jiġġieldu kontra kull serq tal-ispazji pubbliċi għall-interessi kummerċjali u dan ser jagħmluh b’azzjoni legali u fejn hemm bżonn anki diretta.