Futbol Sport

Tarxien jaqbżu fl-ewwel post

Chris Cassar

Tarxien ……………….. 3

Mgarr …………………. 1

Tarxien: J. Borg, C. Conceicao, R. Grech, M. Spiteri, D. Falzon, K. Cutajar, B. Muscat, S. Nanapere, M. Tabone, T. Nonato Peixoto, R. Silva Faria

Mgarr: J. Chircop St John, G. Milone, JM Davies, G. Saliba, H. Wood, J. Borg, A. Sammut, I. Galea, JL Micallef, C. Gauci, G. Santiago Archaval

Referee: Glen Tonna

arxien kisbu rebħa ferm faċli u konvinċenti fuq Mġarr biex approfittaw miż-żelqa ta’ Marsa u qabżu fl-ewwel post. Mġarr mill-banda l-oħra soffrew it-tielet telfa dan l-istaġun, biex baqgħu f’pożizzjoni perikoluża mal-aħħar tlieta.

Tarxien skurjaw żewġ gowls fi spazju ta’ tliet minuti biex bdew il-partita b’vantaġġ komdu. Wara seba’ minuti logħob, huma marru fil-vantaġġ permezz ta’ Saturday Nanapere, li wara li rċieva l-ballun minn ħdejn il-bandiera tal-corner, ra l-ewwel xutt tiegħu jiġi salvat mill-gowlkiper, iżda l-ballun reġa’ spiċċa f’saqajn Nanapere li t-tieni darba ma falliex.

Żewġ minuti wara, Silva Faria għadda tajjeb lejn Darren Falzon, li qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Chircop St. John għar-rokna tax-xibka.

Tarxien marru ferm viċin li jagħmluhom tlieta fis-37 minuta, meta x-xutt angolat ta’ Nanapere ħabat mal-mimduda. Huma rnexxielhom jagħmluhom tlieta fis-76 minuta, meta wara ġirja tajba Nonato Peixoto qassam lura lejn Ricardo Silva Faria li kien kompletament żmarkat, u b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa ma ta l-ebda ċans lil Chircop St John li jsalva.Mġarr irnexxielhom jiskurjaw gowl ta’ konsolazzjoni tliet minuti mit-tmiem permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Archaval Santiago fuq kross ta’ Harry Wood.

Pieta jagħtu l-ewwel telfa lil Marsa

PIETA H. ……………………… 2

MARSA ………………………. 0

Pieta H: R. Cini, S. Okoh, S. Mizzi, M. Portelli, J. Ghio, T. Lida, P. Lapira, D. Inacio, N. Pisani, J. Scicluna, L. Galea.

Marsa: A. Cassar, D. Micallef, R. Fenech, L. Brincat, S. Arab, S. Bezzina, C. Gatt Baldacchino, M. Gauci, R. Darmanin, A. Samb, V. Alinho.

Referee: Fyodor Zammit

Il-leaders tal-klassifika Marsa sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun meta kienu megħluba minn Pieta f’logħba mill-iktar kumbattuta. Pieta defendew tajjeb u kienu ferm perikolużi fil-kontrattakki u ħatfu ċ-ċansijiet li kkrejaw, fejn anki fallew penalty.

Marsa minn  naħa tagħhom kienu konfużi fl-ideat iżda xorta waħda ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor iżda b’xi mod Pieta dejjem irnexxielhom jeħilsuha ħafif.

Marsa kellhom bidu aggressiv iżda kienu Pieta li fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tagħhom wara seba’ minuti meta Paul Lapira daħal tajjeb fil-kaxxa u qabeż anki lill-goalkeeper qabel qassam lejn Teppei Lida li b’xutt mill-ewwel spara fix-xibka.

Ir-reazzjoni ta’ Marsa kienet qawwija iżda pjuttost konfuża u Marsa ftit li xejn kienu perikolużi. Minn naħa tagħhom Pieta’ dejjem kienu perikolużi fl-attakk u fis-26 minuta l-goalkeeper ta’ Marsa wettaq save stupend fuq xutt ta’ Scicluna.

Fit-tieni taqsima Marsa żiedu l-isforzi tagħhom u fl-ewwel minuti resqu qrib b’xuttijiet ta’ Alhinho u Samb. Iżda fis-56 Lapira daħal fil-kaxxa fejn kien imwaqqa’ f’kuntrast bejn żewġ difensuri u mill-11-il metru kien Inacio li skorja b’xutt fil-baxx.

Marsa issa bdew jassedjaw lill-avversarji u resqu qrib diversi drabi bi Pieta għal darba darbtejn isalvaw minn fuq il-linja. F

is-76 minuta azzjoni ta’ kontrattakk ta’ Brooklyn Borg li twaqqa’ fil-kaxxa għat-tieni penalty favur Pieta iżda din id-darba x-xutt ta’ James Scicluna kien salvat mill-goalkeeper ta’ Marsa.

Doppjetta ta’ Cappellino f’rebħa faċli Xlukkajra

St. George’s ……………………. 1

Marsaxlokk …………………….. 3

St. George’s: A. Spiteri, J. Briffa, R. Martin, G. Sultana, R. De Fex, A. Borg, Z. Bowman, R. Sammut, J. Spiteri, U. Chiedozie Lawrence, L. Cutajar

Marsaxlokk: F. Tabone, B. Scerri, J. Cruz, T. Vella, C. Camilleri, X. Cappellino, WO Serrano, P. Xuereb, E. Vella, D. Azzopardi, R. Tonna

Referee: Ezekiel Barbara

Marsaxlokk kisbu rebħa faċli fuq it-tim tal-qiegħ St. George’s, li komplew il-bidu xejn feliċi tal-istaġun tagħhom, u baqgħu fl-aħħar post b’punt wieħed biss. Il-partita kienet iddominata minn Marsaxlokk, filwaqt li Bormla ftit li xejn resqu lejn il-lasti avversarji.

L-ewwel taqsima kienet waħda kwieta ħafna, u l-aħjar azzjoni kienet dik li wasslet għall-ewwel gowl tal-partita. Wara biss sitt minuti logħob, Ryan Tonna niżżel il-ballun tajjeb fuq sidru, u qassam fin-nofs lejn Xuan Cappellino, li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt angolat.

L-aħħar għaxar minuti logħob raw xejn anqas minn tliet gowls. Fit-83 minuta, Marsaxlokk druppjaw il-vantaġġ tagħhom, meta minn korner, Walter Omar Serrano ikkontrolla l-ballun tajjeb, qabeż difensur ta’ Bormla u kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx. Tliet minuti biss wara, Marsaxlokk għamluhom tlieta, minn azzjoni li bdiet minn corner ieħor, u din id-darba kien Xuan Cappellino li skorja t-tieni gowl tiegħu b’daqqa ta’ ras li ma tat l-ebda ċans lill-gowlkiper Spiteri.

Fit-89 minuta, St. George’s irnexxielhom inaqqsu d-distakk meta Uchechi Chiedoze seraq ballun fid-difiża ta’ Marsaxlokk, li nqabdu fuq sieq waħda, u qassam fin-nofs lejn is-sostitut Kouta Suemitsu, li kien kompletament waħdu, u b’faċilita’ kbira għadda l-ballun minn fuq il-gowlkiper għar-rokna tax-xibka. Dan il-gowl iżda wasal tard wisq għal rimonta mit-tim tal-Kottonera.