Sport Sport Ieħor

Tennisti li ma ħadux il-vaċċin mhux se jitħallew jilagħbu fl-Open tal-Awstralja

Tennisti li m’humiex vaċċinati mhux se jitħallew jipparteċipaw fl-Open tal-Awstralja f’Jannar li ġej. Dan qalu id-Direttur tat-turnament Craig Tiley wara xhur ta’ spekulazzjoni dwar jekk dawn hux se jitħallew jilagħbu fl-Awstralja.

Iċ-champion Novak Djokovic qal li ma jixtieqx jgħid pubblikament jekk huwiex vaċċinat jew le, b’Tiley jisħaq li Djokovic irid ikun vaċċinat biex jilgħab fl-ewwel Grand Slam tas-sena 2022.

Tiley kkonferma wkoll li t-turnament li se jsir bejn is-17 u t-30 ta’ Jannar se jintlagħab quddiem spettaturi preżenti fl-istadia. L-aħħar figuri juru li 80 mill-aqwa 100 tennisti rġiel huwa vaċċinati kontra l-Covid-19.

Kuntrarju għal dan, il-Women’s Tennis Association (WTA) għadha ma ppublikat l-ebda statistika dwar kemm hemm tennisti nisa vaċċinati. Dan wara li aktar kmieni f’Ottubru bagħtet ittra lill-membri, fejn saħqet li t-tennisti se jitħallew jilagħbu jekk jippreżentaw test negattiv 72 siegħa qabel d-dħul fil-pajjiż.

L-Awstralja kienu fost l-aktar pajjiżi li kellhom restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minħabba l-pandemija, fejn l-uffiċjali u t-tennisti li ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena, kellhom jagħmlu 14-il ġurnata fi kwarantina mandatorja, mal-wasla tagħhom fil-pajjiż.