Futbol Sport

Tispikka Ħamrun kontra Hibernians mill-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Hekk kif jirritorna l-Kampjonat BOV Premier tispikka l-partita bejn Ħamrun u Hibernians. Hibernians se jkunu qed iħarsu li jirritornaw għar-rebħ wara żewġ draw konsekuttivi kontra Valletta u Birkirkara rispettivament. Għal Ħamrun, min-naħa l-oħra din il-partita tista’ tagħtihom il-motivazzjoni u tgħolli l-moral hekk kif se jkunu qed iħarsu li jiksbu tliet punti u jerġgħu jidħlu fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat, wara bidu mhux daqshekk pożittiv. Ħamrun se jkunu mingħajr iż-żewġ midfielders importanti, Ailton Soares kif ukoll Predrag Djordjevic li se jitilfu l-partita minħabba injury. Huma se jkunu wkoll mingħajr il-goalkeeper Jorge Sanchez. Min-naħa l-oħra Hibernians jidher li m’għandhom l-ebda injuroies jew sospensjonijiet u se jidħlu għal din il-partita bi skwadra kompluta.

F’partita oħra Valletta jaffrontaw lil Sliema Wanderers li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. Min-naħa l-oħra Valletta jinsabu fit-tielet post tal-klassifika fejn jidher li sabu l-forma fl-aħħar partiti. Min-naħa l-oħra għal Sliema tliet punti huma mperattivi jekk iridu jinqalgħu mill-aħħar post u jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika. Għal Sliema jirritorna fl-iskwadra il-midfielder Danny Holla filwaqt li jista’ jagħmel l-ewwel dehra tiegħu magħhom dan l-istaġun l-attakkant Jean Paul Farrugia, wara li rritorna mal-club.

Illum Tony Bezzina Stadium Mosta v Gżira Utd. 2.00pm, Gudja Utd. v Floriana 6.00pm
National Stadium Sliema v Valletta 4.00pm Għada Tony Bezzina Stadium Santa Lucia v Birkirkara 11.30am National Stadium Sirens v Balzan 2.00pm, Hibernians v Ħamrun 6.00pm