Futbol Sport

Weverton jagħti rebħa drammatika lil Pembroke

Chris Cassar

MQABBA ……………………. 2

PEMBROKE A. …………….. 3

Mqabba: C. Abdilla, A. Cilia Mumford, N. Falzon, G. Mannino, L. Agius, R. Spiteri, J. Azzopardi, L. Mijic, J. Vella Critien, R. Melo Costa, L. Musu.

Pembroke A: M. Grech, K. Farrugia, K. Frendo, N. Pace Cocks, E. Ferreira, J. Suda, C. Zammit, R. Fenech, J. Bondin, M.A. Borg, S. Jankovic.

Referee: Aleksander Jovanovic

Gowl stupend ta’ Weverton Gomes fit-93 minuta ta rebħa drammatika u prezzjuża lil Pembroke f’logħba ferm sabiħa, fejn Mqabba kien ħaqqhom jiksbu punt tal-isforzi.

Pembroke iddominaw l-ewwel taqsima fejn kienu l-ħin kollu fuq l-attakk u Mqabba kellhom jiddefendu b’diversi plejers biex jikkontrollaw. Minkejja l-isforzi tagħhom u l-pussess tal-ballun Pembroke ftit kienu perikolużi u kien Jurgen Suda biss li mpenja lil Abdilla b’xutt fil-baxx wara kwarta logħob.

Pembroke fetħu l-iskor fis-27 minuta meta minn azzjoni ta’ korner kien Ferreira li fuq l-ewwel lasta kompla għal ġewwa bir-ras. Minuta wara Mqabba kellhom ċans tad-deheb li jiskbu draw immedjat iżda Agius minn qagħda ideali ra x-xutt fjakk tiegħu salvat minn Grech.

Fis-37 minuta Mqabba rebħu penalty meta Melo Costa twaqqa’ mill-goalkeeper, iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Ryan Spiteri kien salvat minn Grech u mir-rebound l-istess Spiteri spara għoli.

Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Mqabba għamlu l-iskor indaqs b’azzjoni mill-isbaħ bejn Mijic u Melo Costa, bix-xutt ta’ Mijic jaħbat ma’ Bondin qabel jispiċċa wara Grech. Pembroke wettqu reazzjoni mmedjatau Jankovic falla ċans tad-deheb minn qagħda ideali.

Fil-61 minuta wara serje twila ta’ korners Pembroke reġgħu marru fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras ta’ Bondin. Fl-74 minuta Mqabba mill-ġdid kisbu l-gowl tad-dro b’xutt ta’ Mijic jaħbat ma’ sieq il-lasta u jispiċċa fix-xibka.

Minuta wara Pembroke sfortunati meta xutt bomba ta’ Suda stampa mal-mimduda u fit-93 minuta meta kollox deher li l-logħba se tispiċċa fi draw wasal il-gowl stupend ta’ Weverton Gomes li kkundanna lil Mqabba.

Wirja mpressjonanti minn Fgura

FGURA U. ………………………. 5

QRENDI………………………….. 1

Fgura U: J. Azzopardi, J. Barbara, D. Caruana, T. Grech, R. Prudente, J. Silva, M. Brincat, J. Stensen, K. Gandini, J. Vella, S. Abela.

Qrendi: J. Vella, L. Martinelli, S. Schembri, M. Gatt, I. Zammit, B. Sammut, J. Ogunnupe, A. Agius, K. Theuma, E. Perdomo, R. Pericles.

Referee: Emanuel Grech

Fgura kellhom prestazzjoni mill-aqwa kontra u Qrendi u kisbu rebħa mpressjonanti fejn mingħajr dubju spikka Silva Ewertton anki jek ma niżżilx ismu fost l-iskorers.

Bidu qawwi minn Fgura li wara sitt minuti marru fil-vantaġġ meta Matthew brincat b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa sab ir-rokna tax-xibka. Il-logħba kienet mill-iktar spettakolari biż-żewġ naħat ifallu diversji ċansijiet ta’ skor biex fit-18-il minuta Qrendi għamlu l-iskor indaqs b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Pericles Romao.Il-logħba baqgħet fuq ritmi ferm għolja u ferm veloċi. Fit-38 minuta Fgura mill-ġdid fil-vantaġġ b’azzjoni ta’ Silva Ewertton fuq ix-xellug u pass lejn Prudente li mill-viċin kompla għal ġewwa.

Fil-41 minuta Fgura skorjaw it-tielet gowl fejn għal darb’oħra reġa’ kien Silva Ewertton li mix-xellug qassam lejn Dylan Caruana li b’xutt mill-ewwel spara fix-xibka għal gowl tal-istampi.

Fit-tieni taqsima l-logħba naqqset xi ftit mir-ritmu fejn Qrendi ppruvaw jieħdu l-kontroll tal-logħba iżda Fgura bdew isibu ħafna spazju għall-kontrattakki fejn Silva Ewertton kompla jiddistngwi ruħu b’azzjonijiet ireeżistibbli.

Fit-62 minuta azzjoni oħra minn tiegħu u pass lejn Prudente li poġġa l-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Tliet minuti wara gowl ieħor mill-isbaħ ta’ Fgura fejn Matthew Brincat skorja t-tieni gowl tiegħu b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa.