Lokali

Angela Callus onorata mill-Università ta’ Malta

Attivista ewlenija favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel Maltin

Artiklu li deher fuq il-mument

Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Novembru 2021, Angela Callus kienet fost sitt personalitajiet Maltin li kienu onorati b’titli akkademiċi ta’ Honoris Causa mill-Università ta’ Malta.

Angela Callus ingħatat il-Master in Letters (Honoris Causa) bħala rikonoxximent għall-impenn soċjali tagħha, kemm bħala attivista ewlenija dwar id-drittijiet indaqs tan-nisa u l-irġiel Maltin, kemm bħala edukatriċi fi skejjel sekondarji tal-bniet, kif ukoll fost iż-żgħażagħ f’livell parrokkjali.  Angela Callus kienet diġá ġiet onorata darb’oħra f’livell nazzjonali għall-ħidma fejjieda tagħha permezz tal-għotja tal-Medalja Għall-Qadi tar-Repubblika (MQR), fit-13 ta’ Dicembru 1993, mill-President ta’ Malta Censu Tabone.

Esponenta favur id-drittijiet tan-nisa Maltin

Angela Callus tibqa’ mfakkra għall-ħidma kbira li hija wettqet favur id-drittijiet tan-nisa Maltin. Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, hija bdiet il-karriera tagħha bħala esponenta ewlenija f’dan il-qasam u ħadmet bis-sħiħ biex id-drittijiet tan-nisa jingħataw importanza fil-politika fuq livell nazzjonali.

Dan għamlitu fi ħdan il-PN, fejn bejn l-1977 u l-1988 serviet bħala membru eletta tal-eżekuttiv nazzjonali tal-Partit. F’dan l-organu, hija kienet timbotta biex il-Partit Nazzjonalista jfassal politika strateġika dwar id-drittijiet tan-nisa. Hija laħqet l-iskop tagħha meta proposti konkreti dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kienu inklużi fiż-żewġ programmi elettorali tal-PN, sew fl-1981 u sew fl-1987.

Wara l-elezzjoni ġenerali tal-1987, hija kienet inkarigata biex tara li, fil-Ministeru tal-Politika Soċjali, responsabbli għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi favur l-ugwaljanza, jitwaqqfu l-istrutturi governattivi – is-Segretarjat għall-Ugwaljanza tan-Nisa u l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, magħmula minn membri sew nisa u sew irġiel. Dawn l-istrutturi kellhom jaħdmu biex titwarrab id-diskriminazzjoni kontra n-nisa Maltin u biex in-nisa jingħataw opportunitajiet indaqs f’kull qasam tas-soċjetà. Mal-ħatra tagħhom, il-membri tal-Kummissjoni ħadmu bla heda biex dawn l-għanijiet jintlaħqu fl-iqsar żmien possibbli. 

Il-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia, kellha kliem ta’ tifħir għall-ħidma ta’ Angela Callus.  F’artiklu li kitbet f’The Sunday Times tat-23 ta’ Settembru 1990, bit-titolu ‘Up With Angela!’ fir-rubrika tagħha ‘The good, the bad and the ugly’, kienet qalet li l-preżenza ta’ Angela Callus fil-Ministeru tal-Politika Soċjali ma kinetx waħda kosmetika, imma kienet se tiżgura li jitwettqu inizjattivi speċifiċi biex in-nisa Maltin javvanzaw fis-soċjetà.

Riżultati pożittivi

Sal-bidu tas-Seklu 21, Angela Callus kellha s-sodisfazzjon tara tibdil f’liġijiet ta’ Malta biex l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tingħaraf kemm bħala dritt fundamentali, kemm fil-prattika. L-aktar importanti kienu:

• it-tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, fl-1991, li wassal biex l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun rikonoxxuta bħala dritt fundamentali, u li beda wkoll jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba s-sess; u

• meta, fl-1993, inbidlet l-hekk imsejħa ‘Liġi tal-Familja’ li tat lin-nisa miżżewġin l-istess drittijiet fiż-żwieġ bħal żewġhom, kemm bħala nisa miżżewġa, kemm fl-amministrazzjoni tal-propjetà tagħhom, kemm bħala ommijiet.

Fuq mhedda ta’ 12-il sena, Angela Callus bdiet tara aktar u aktar nisa jfittxu t-tagħlim, ukoll f’livell terzjarju, nisa joħorġu jaħdmu, nisa jagħmlu xogħol ġdid li qabel kien meqjus bħala ‘tal-irġiel’ biss, u nisa jieħdu sehem akbar fil-ħajja pubblika u fil-politika, sew f’livell lokali kemm f’dak nazzjonali

Kontribut soċjali

Minn żgħożitha, Angela Callus kienet tinteressa ruħha fil-qasam soċjali. Kienet attiva f’għaqdiet taż-żgħażagħ, speċjalment fil-fergħa tax-Xebbiet tal-Azzjoni Kattolika, u fit-tmexxija ta’ ċentri parrokkjali u ċentri oħrajn hekk imsejħa ‘mħallta’ – mixed youth centres – għax-xebbiet u l-ġuvintur flimkien. Fis-snin disgħin kienet tiffrekwenta ċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja tal-patrijiet Ġiżwiti, fiż-Żejtun.

Edukatriċi

Minbarra x-xogħol tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza u f’dak soċjali, Angela Callus kienet ukoll edukatriċi. Hija kellha karriera twila bħala għalliema, speċjalment tat-Taljan fi skejjel sekondarji tal-bniet, kif ukoll bħala Assisstenta Kap u Kap ta’ Skola f’diversi skejjel. 

Hija kienet meqjusa bħala għalliema tajba, serja, u ta’ dixxiplina. L-avukata Anna Mallia, eks studenta ta’ Angela Callus, kienet kitbet hekk dwarha, f’ittra lill-ġurnal l-Orizzont tat-18 ta’ Lulju 1987: “Miss Callus hija teacher mill-aqwa tat-Taljan… ta’ dixxiplina, serja, taf tgħallem”.

Ħatriet nazzjonali u internazzjonali

Għal għadd ta’ snin, Angela Callus kienet ir-rappreżentanta permanenti tal-Gvern Malti fil-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ugwaljanza Bejn in-Nisa u l-Irġiel.

Fl-1991, Angela Callus kienet mistiedna mill-Commonwealth Secretariat biex tikkontribwixxi fil-ħidma tal-working group fit-tfassil ta’ linjigwida dwar kif jista’ jitnaqqas is-sessiżmu mill-kotba użati fl-iskejjel primarji.  Din l-istedina nħarġet bħala riżultat tal-esperjenza ta’ Angela Callus fil-tħejjija tar-rapport tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara dwar is-sessiżmu fil-kotba użati fl-iskejjel primarji Maltin, fl-1989.

Fl-1995, Angela Callus kienet tqabbdet mid-Dipartiment tal-Ugwaljanza tal-Commonwealth Secretariat biex torganizza f’Malta konferenza internazzjonali dwar l-ugwaljanza, għall-membri kollha tal-Commonwealth.

Fl-1995 inħatret l-ewwel Direttrici tad-Dipartiment għall-Ugwaljanza f’Malta.  Hija damet membru tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara għal madwar 14-il sena.

Hija serviet f’diversi entitajiet nazzjonali oħrajn, fosthom fil-Kumitat Konsultattiv tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-Ugwaljanza fix-Xandir; fil-Kunsill tal-Università ta’ Malta; fil-Kummissjoni Nazzjonali tal-UNESCO; fil-Bord dwar il-Commonwealth Scholarships; fil-Kumitat dwar in-Nomini għall-Unuri Nazzjonali; u fl-Awtorità tat-Trasport.

Konferenzi internazzjonali

Angela Callus attendiet għadd ta’ konferenzi u seminars barra minn Malta, fosthom tliet laqgħat ministerjali tal-Commonwealth Secretariat; tnejn dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (fl-1990 fil-Kanada u fl-1993 f’Ċipru) u oħra dwar saħħet il-mara (fl-1995 fl-Afrika t’Isfel). Fl-1995 hija attendiet ukoll  il-Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar in-Nisa, li saret f’Beijing, fiċ-Ċina.

Pubblikazzjonijiet

Angela Callus kitbet għadd ta’ kotba, artikli u papers dwar aspetti diversi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Dawn kienu jinkludu, fost oħrajn: l-abbozz tar-rapport dwar is-sessiżmu fit-tagħlim fil-livell primarju Studju fil-Qosor tal-Kotba Wżati fl-Iskejjel Primarji Maltin,  għall-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara (1989); il-ktieb Għadma Minn Għadmi: Ġrajjet il-Mara u Jeddijietha (1992); il-ktieb Il-Mara Maltija Wara s-Sena 2000 (1998); il-manwal  għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku, Gender Mainstreaming in the Malta Public Service: A Manual for Action, għall-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, flimkien ma’ Dr Miriam Camilleri (2001); il-paper dwar Il-Maskil Ġeneriku fit-Titoli, il-Professjonijiet, il-Karigi, ix-Xogħol u s-Snajja’, fil-ktieb Is-Sessiżmu fil-Lingwa Maltija, għall-Akkademja tal-Malti (2020); il-kapitlu Il-Kunċett tad-Djalogu, u tal-Ugwaljanza Bejn in-Nisa u l-Irġiel, fil-ktieb “Inservi” Ħidma Politika 1969-2009, ġabra ta’ kitbiet f’ġieħ Eddie Fenech Adami (1998); il-paper dwar Il-Mara: Xbiha Ġdida, għall-Kungress tal-PN dwar l-Identità Maltija (1994).

Sfond akkademiku

Angela Callus twieldet fl-1945, f’Ħal Safi fejn trabbiet u għada tgħix.

Hija ħadet l-edukazzjoni tagħha fi skejjel statali, fl-Università ta’ Malta fejn iggradwat BA fl-Ingliż, Taljan u Latin (1967), u f’universitajiet oħrajn barranin.  Ħija kellha diversi diplomi, fosthom: fil-ġurnaliżmu mill-Università ta’ Malta (1986); dwar il-lingwa u l-letteratura Taljana mill-universitajiet ta’ Siena (1970) u Perugia (1978); dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, Equality of Women and Responsible Parenthood, mill-Università ta’ Sarajevo (1988).  Hija laħqet ukoll Fellow of the Salzburg Seminar, wara li pparteċipat fil-kors Women’s Role in a Changing Society, f’Salzburg (1980).  Fl-1991, ħadet sehem fl-International Visitor Leadership Programme, fl-Istati Uniti, dwar Women and Girls Empowerment, fuq stedina tal-Gvern Amerikan.