Internazzjonali

Covid-19: Rabja u protesti dwar ir-restrizzjonijiet madwar l-Ewropa

L-Olanda, fl-aħħar sigħat, għaddiet minn mewġa ġdida ta’ protesti fejn iċ-ċittadini esprimew rabja sostanzjali dwar il-miżuri ta’ lockdown ġodda li qed isiru effettivi madwar il-pajjiż. Dan ukoll meta qed tispikka dejjem aktar l-ispinta ġdida ta’  ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19 fl-Olanda  u fl-Istati l-oħra tal-Ewropa.

L-awtoritajiet Olandiżi qed isegwu b’ansjetà din is-sitwazzjoni wara li gruppi ta’ nies, f’The Hague, tefgħu logħob tan-nar fid-direzzjoni tal-pulizija. L-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, ħabbru stat ta’ emerġenza f’din il-belt fost rapporti li saru wkoll numru ta’ arresti.

Aktar qabel,  kien hemm ukoll protesti ħorox kontra r-restrizzjonijiet fil-belt Olandiża ta’ Rotterdam – fejn il-pulizija kienu kostretti li jiftħu n-nar biex iferrxu l-folol.  Is-sindku tal-belt ikkundanna l-vjolenza’ wara li numru ta’ dimostranti spiċċaw midruba minn tiri u meta fl-aħħar sigħat kienet għaddejja wkoll investigazzjoni.

L-Olanda, il-ġimgħa l-oħra, imponiet lockdown parzjali wara li rreġistrat rekord fil-każi tal-Covid – bil-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti lokali qed jagħlqu kmieni filgħaxija filwaqt li l-folol qed ikunu projbiti milli jattendu avvenimenti sportivi.

Intant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) esprimiet tħassib serju dwar ‘l-isplużjoni’ tal-każi tal-coronavirus madwar l-Ewropa.

Id-Direttur Reġjonali tal-Organizzazzjoni (WHO) għall-Ewropa, Hans Kluge, wissa, sadanittant, li nistgħu naraw man-nofs-miljun mewta ġdida madwar il-kontinent sar-rebbiegħa, dment li l-awtoritajiet fl-Ewropa ma jieħdux il-passi preventivi neċessarji.

Minn naħa l-oħra, fl-Awtrija, għexieren ta’ eluf ħarġu jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet fi Vienna wara li l-Gvern ħabbar lockdown ġdid nazzjonali – flimkien ma’ pjani biex iċ-ċittadini kollha jieħdu bil-fors it-tilqima fi Frar li ġej.

L-Awstrija hi l-ewwel pajjiż Ewropew li qed jimponi bil-liġi t-tilqim kontra l-Covid. Dan filwaqt li l-Awstrija, fis-sigħat li ġejjin, se tibda l-lockdown nazzjonali ta’ 20 jum fejn il-ħwienet meqjusa bħala essenzjali ma jistgħux jiftħu u meta l-poplu se jkun kostrett li jaħdem mid-dar.

Intant fl-aħħar sigħat, il-Kraozja wkoll rat numru ta’ dimostrazzjonijiet kbar kontra l-miżuri tal-Covid, fejn eluf immarċjaw fil-kapitali Zagreb biex jipprotestaw dwar sensiela ta’ restrizzjonijiet ġodda.

Saru wkoll il-protesti notevoli fl-Italja, fejn ftit eluf ta’ dimostranti nġabru fiċ-ċentru ta’ Ruma biex iwasslu l-messaġġ tagħhom kontra -‘Green Pass’ meħtieġ għal fuq il-postijiet tax-xogħol u għall-użu tat-trasport pubbliku.