Il-pressjoni fuq il-Ministru Byron Camilleri biex jerfa’ r-responsabiltà għal dak li qed jiġri f’Kordin kompliet tikber…. fl-aħħar sigħat, l-istejjer ta’ dak li qed jiġri wara l-ħitan tal-ħabs komplew joħorġu… dan meta eks-ħabsi għażel li jibgħat dokument b’dettalji xokkanti lill-gazzetta lokali.
Eks-ħabsi li f’dokument ta’ 41 paġna li bagħat lill-The Malta Independent on Sunday u lill-Uffiċċju tal-Ombudsman, iddeskriva l-esperjenza tiegħu u ta’ oħrajn fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Jgħid li numru ta’ persuni kienu jabbużaw mill-poter… U agħar minn hekk, meta kienu jinbidlu r-regolamenti fil-ħabs, mhux kulħadd kien ikun jaf b’dan it-tibdil.
Dan b’riżultat li l-ħabsin ma jkunux jafu li qed jagħmlu xi ħaġa li tmur kontra dawn ir-regolamenti. L-eks-ħabsi kiteb kif huma kienu jiġu msakkra fiċ-ċellel tagħhom għal jiem sħaħ għax pereżempju sempliċiment ikunu taw x’jieklu lil xi ħamiema… ieħor sakruh fiċ-ċella għax mar il-gym bil-flip flops.
Fil-kitba tiegħu, hu qal li f’perjodu partikolari, minkejja li kien hemm ordni biex ħabsi partikolari jkollu superviżjoni kull siegħa matul il-lejl minħabba riskju ta’ suwiċidju, il-gwardjani qatt m’għamlu dan.
L-eks-ħabsi qal kif il-ħabs inbidel kompletament tant li sar post li mhux faċli tgħix fih. Dan hekk kif fost l-oħrajn, hu qal kif is-sezzjoni suppost iddedikata għall-edukazzjoni spiċċat sitwazzjoni tad-daħq fejn id-dritt għat-tgħalim intrema kompletament.
Saħansittra, anke t-taqsima tas-saħħa għandha nuqqasijiet serji tant li dan il-ħabsi qal li ra ħabsin li kellhom bżonn attenzjoni medika iżda baqgħu ma ngħatawx il-kura meħtieġa għal ġimgħat u saħansitra xhur sħaħ. Fil-fatt, hu jgħid li ra ħabsin jibku bl-uġigħ għax ma felħux iżjed.
Dawn l-aħħar stejjer mill-ħabs jiżdiedu ma’ kullana ta’ stejjer xokkanti li ħarġu fl-aħħar xhur mill-ħabs ta’ Kordin. Quddiem dan kollu u quddiem 14-il mewta fi ftit żmien f’Kordin, il-Ministru Byron Camilleri qed jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter u minkejja pressjoni serja biex jirriżenja, għadu sal-lum il-Ministru nkarigat mill-ħabs.

