“Illum il-kelma t’Alla tfakkarna li aħna qed nagħmlu festa lil Ġesù sultan, f’ġieħ l-imħabba li huwa ħabbna. Din hija stedina għalina li kapaċi nirrispondu bi mħabba, forsi bi grad anqas, għal tant imħabba li rċevejna”
Hekk qal l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna waqt iċ-ċelebrazzjoni djoċesana fil-festa liturġika ta’ Kristu Re li saret il-Ħadd filgħodu fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta’ Santa Katerina, fiż-Żejtun.
L-Arċisqof kompla jispjega kif ħafna drabi d-dnub huwa sqaq li ma jinfidtx u tibda tħokk rasek kif se toħroġ minnu. Qal li hu għalhekk li għadna nafdaw fil-Mulej Ġesù u ma naqtgħux qalbna mill-ħniena u mill-imħabba tiegħu.
Intant il-Ħadd filgħaxija saret iċ-ċelebrazzjoni djoċeana fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Tul iċ-ċelebrazzjoni tkanta l-għasar u ingħatat il-barka sagramentali.
Charles J. Scicluna qal li hemm bżonn li dawk fl-għola pożizzjoni jużaw il-poter għall-ġid tal-komunità u mhux dak personali.
Qal ukoll li jeħtieġ li bħal Kristu, inħennu għall-proxxmu, li nkunu lesti li nisimgħu lil xulxin.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena kienet waħda b’differenza hekk kif ma saritx il-purċissjoni annwali sabiex kollox isir skont il-miżuri relatati mal-pandemija.
//= $special ?>