Internazzjonali

Ġerusalemm: Raġel jinqatel wara li fetaħ in-nar fuq in-nies

Aggressur – membru ta’ grupp ta’ militanti Palestinjani – fetaħ in-nar fuq in-nies li nzerta quddiemu fil-Belt Antika ta’ Ġerusalemm, u bir-riżultat li persuna tilfet ħajjitha, b’talanqas tlieta oħra jisfaw midruba. Intant, ir-raġel armat ukoll spiċċa maqtul ftit wara li konfrontawh il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani.

Ir-rapporti qalu li l-vittma tal-aggressur miet l-isptar mill-ġrieħi li ġarrab u li kien hemm żewġ pulizija Iżraeljani fost il-midruba.Min-naħa tiegħu, il-Ministru Iżraeljan responsabbli mis-Sigurtà Interna, Omer Bar-Lev, ikkonferma li l-aggressur kien armat b’submachine gun u li l-attakk seħħ viċin ta’ aċċess għall-moskea Al Aqsa, f’Ġerusalemm.

Minbarra l-moskea (li hi fost l-aktar siti meqjuma mill-Iżlamiċi), il-lokalità tinkludi anki t-Tempju fuq l-Għolja li hu fost l-aktar monumenti sinifikanti għal-Lhud.

Sa ftit ilu, l-aggressur kien identifikat bħala Palestinjan ta’ 42 sena minn Ġerusalemm tal-Lvant, fost sinjali li hu kien membru tal-fergħa politika tal-grupp militanti Hamas.

L-awtoritajiet Iżraeljani qalu, intant, li l-isparatura qed tidher li kienet waħda premeditata u li l-aggressur, dak il-ħin, kien ipprova jippreżenta ruħu bħala ‘Lhudi Ortodoss’.

Kienet biss b’xorti tajba li l-lokalità, fil-ħin tal-attakk, kienet pjuttost vojta min-nifs — bl-awtoritajiet Iżraeljani jaqblu li ċ-ċifra tal-vittmi setgħet kienet bil-wisq ogħla taħt ċirkustanzi differenti.