Internazzjonali

Iċ-Ċile: Il-poplu jivvota fi żmien partikularment diffiċli

Il-poplu Ċilen qed jivvota fl-elezzjoni ġenerali fejn irid jagħżel bejn viżjonijiet politiċi għal kollox differenti minn xulxin. Dan ukoll meta l-pajjiż qed jiffaċċja inċertezza sostanzjali wara li ilu mill-2019 għaddej mill-protesti vjolenti kontra l-Gvern.

F’din l-elezzjoni, il-kandidati ewlenin jirriflettu t-tensjoni soċjali u l-polarizzazzjoni politika li rabbew l-għeruq fiċ-Ċile.

Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni fiċ-Ċile ikkumplikat ruħha minħabba l-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija tal-Covid-19. Intant, skont l-aħħar sinjali, il-kandidat estremista tal-lemin, José Antonio Kast qed jidher b’vantaġġ żgħir fuq l-eqreb sfidant – f’dan il-każ il-kandidat xellugi Gabriel Boric.

Peress li hemm seba’ kandidati qed jikkuntestaw għall-Presidenza taċ-Ċile, mhux probabbli li xi ħadd minnhom se jirnexxilu jikseb il-50 fil-mija tal-voti neċessarji għal rebħa awtomatika.

Għaldaqstant, kibret il-probabbiltà li l-elezzjoni tkun deċiża minn tieni rawnd li kapaċi jsir fid-19 ta’ Diċembru. Minbarra l-elezzjoni għall-Presidenza, iċ-Ċileni anki qed jivvutaw għall-Kamra tad-Deputati l-ġdida magħmulha minn 155 membru, kif ukoll għal 27 membru tas-Senat ta’ Santiago u għall-kunsillieri reġjonali.