Lokali

Il-Fun Run tal-President – Festa ta’ għaqda nazzjonali

It-12-il edizzjoni tal-Presidents Solidarity Fun Run saret b’suċċess… attività li ilha tittella’ sa mill-2009.. għall-ewwel darba saret madwar Malta u Għawdex.

Din l-inizjattiva rritornat f’pajjiżna wara nuqqas minħabba restrizzjonijiet tal-Pandemija li kellna fil-passat riċenti… matulha nġabru flus ghall-Malta Community Chest Fund Foundation.

Filwaqt li kull lokalità, permezz tal-Kunsilli Lokali, ħolqot l-attivitajiet tagħha, il-pubbliku wieġeb għas-sejħa tal-President ta’ Malta u ħareġ fit-toroq ta’ pajjiżna f’attività ta’ għaqda nazzjonali.

L-għola awtoritajiet tal-pajjiż għamlu l-mixja tagħhom fil-lokalità taż-Żejtun fejn fost l-oħrajn kien hemm preżenti l-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li minn naħa tiegħu kien akkumpanjat minn AnneMarie Grech. Wassall il-messaġġ tiegħu qabel it-tluq miż-Żejtun, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna.

Preżenti wkoll fiż-Żejtun il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll il-President tal-PN għad-Djalogu Soċjali Ivan J Bartolo. Dan filwaqt li diversi Deputati u Kandidati tal-PN pparteċipaw fil-fun fun f’diversi lokalitajiet madwari l-pajjiż.

Fi tmiem il-Fun Run, fil-Palazz ta’ San Anton saret l-attività tal-għeluq li fiha ingħataw tokens memorattivi lill-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex. Matul din l-attività tal-għeluq, wassal il-messaġġ tiegħu il-Kap tal-PN Bernard Grech.

U filwaqt li f’isem il-Gvern tkellem il-Ministru Byron Camilleri, għamel messaġġ tal-għeluq il-President ta’ Malta George Vella li filwaqt li appella għall-għaqda nazzjonali, fakkar fl-importanza tas-solidarjetà.

L-impenn favur ġbir ta’ fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation issa jkompli fost l-oħrajn bl-inizjattiva tal-Piggy Banks fl-Iskejjel ta’ Malta u Għawdex qabel ma jintlaħaq il-qofol, l-għada tal-Milied, fl-Istrina.