Lokali

“Il-PN lest li jagħti viżjoni ġdida b’direzzjoni soċjo-ekonomika għall-ġid tal-Għawdxin” – Chris Said

“Għawdex jinsab f’salib it-toroq u l-Għawdxin huma għatxana għal tmexxija li tagħti direzzjoni ċara. Għalhekk għażla favur il-politika tal-PN tista’ tbiddel ir-rotta li twassal għal direzzjoni ċara lil Għawdex li tant għandu bżonn fl-oqsma ambjentali, soċjali u ekonomiċi.” Chris Said, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, qal dan f’intervista dwar il-politika u l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex.

Hemm baħar jaqsam bejn kif il-PL u l-PN iħarsu lejn Għawdex. Kif tispjega din id-differenza? Id-differenza kollha hi bbażata fuq kunċett u prinċipju wieħed. Il-PN minn dejjem qies lil Għawdex ‘gżira reġjun’ filwaqt li l-PL sa minn meta kien fl-Oppożizzjoni warrab dan il-kunċett, li bla dubju mbagħad, ngħid jien bi sfortuna kbira u b’detriment għal Għawdex u għall-Għawdxin, beda jirrifletti f’inqas investiment jew f’ebda investiment kif rajna fl-aħħar tmien snin ta’ amministrazzjoni Laburista, anki minkejja li hemm tliet Ministri Għawdxin fil-Kabinett tal-Gvern. Anzi nżid, li l-ħatra
ta’ tliet Ministri waslet, u din qed nesperjenzawha, biex il-Ministeru għal Għawdex taħt amministrazzjonijiet Laburista ddgħajjef u żżarma.

Min-naħa l-oħra, aktar kmieni din is-sena, il-PN ippubblika sensiela ta’ proposti dwar Għawdex mibnija fuq il-kunċett ta’ aktar awtonomija għall-Għawdxin. Għalhekk il-proposta, li l-PN fil-Gvern jippermetti biex b’vot demokratiku jitwaqqaf Kunsill Reġjonali biex l-Għawdxin ikollhom aktar ir-riegni f’idejhom.

Jiddeċiedu huma. Għalhekk, Gvern tal-PN jivvota l-finanzi kollha adegwati biex dak il-Kunsill Reġjonali elett ikun jista’ jiddeċiedi u jwettaq dak li huwa meħtieġ għall-Għawdxin. Kontra dan, qed naraw Gvern Laburista permezz ta’ Baġit ta’ qabel l-elezzjoni li lill-Għawdxin qed jurihom li mhuwiex interessat li jtejjeb l-għajxien u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Baġit ta’ tliet sigħat, ta’ 100 paġna b’ebda referenza partikolari għal Għawdex fejn neħħa għalkollox il-parti dwar
Għawdex fl-istess diskors. U dan wara sena fuq oħra jwiegħed l-istess wegħdi li baqa’ qatt ma wettaq, ħallihom fuq l-ixkaffa jew nofs leħja.

Riżultat ta’ din il-politika Laburista hu ċar li meta tanalizza l-estimi finanzjarji, il-vot rikorrenti u kapitali flimkien għal Għawdex bejn l-2013 u l-2021 lanqas biss laħaq il-wieħed fil-mija mill-Baġit kollu tal-pajjiż.

B’perċentaġġ żgħir tan-nefqa finanzjarja, kif qatt jistgħu jittieħdu inizjattivi ġodda jew ikunu indirizzati l-problemi? Hekk hu. U l-prova ta’ dan jagħtiha l-Gvern Laburista stess fil-baġit li ressaq għas-sena d-dieħla. Ma ssib ebda idea ġdida għal Għawdex. Kif għidt, lanqas il-proġetti li ilhom is-snin imwiegħda u ma twettqux, ma reġgħux ġew inklużi. Taru mar-riħ. Il-Gvern isemmi investiment bla preċedent f’Għawdex. Bil-paroli jista’ jingħad li jrid mill-Gvern. Imma meta tiltaqa’ mal-Għawdxin issib li hemm latanija sħiħa ta’ sfidi li mhumiex qed jiġu indirizzati u problemi li qed jibqgħu f’wiċċ il-familji l-Għawdxin.

Fiż-żjarat tiegħi għand il-familji tibda tisma’; ħaddiema Għawdxin li għadhom kostretti li jinżlu Malta biex jaħdmu. Dawn mhux għexieren. Għadna ’l fuq minn 4,000 Għawdxi li jinżel Malta għax-xogħol. Triplaw l-Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern f’Malta – minn 500 fl-2012 għal kważi 1,500 fl-2020. Wieħed minn kull tliet Għawdxin impjegat, qed jaħdem f’Malta. Wiegħda oħra tal-Partit Laburista li taret mar-riħ. U tifhimha din. Għax insaqsi x’investimenti saru f’Għawdex li bihom inħoloq xogħol produttiv fl-aħħar disa’ snin?

Ma’ dawn hemm problemi oħra ta’ żgħażagħ li wkoll qed jitilqu minn Għawdex biex isibu xogħol f’Malta; min-naħa sfurzati li jagħmlu dan għan-nuqqas ta’ opportunitajiet u min-naħa oħra minħabba d-differenza fil-pagi u l-kwalità tax-xogħol.

Inżur lis-self-employed u dawk li jmexxu n-negozju żgħir u jitkellmu dwar il-piżijiet u l-ispejjeż li dejjem qed jiżdiedulhom. U hawn nikkritika lill-Gvern li mhux qed ikun ta’ spalla għalihom permezz ta’ skemi, inizjattivi li jinkorraġġihom biex jimpjegaw jew iħarrġu Għawdxin, anzi qed ikun ta’ xkiel. Qed ikissirhom. Insemmi l-abbuż sfaċċat fejn jingħataw kuntratti ta’ self-employed mal-Gvern biex ma jinħarġux sejħiet pubbliċi u tkun evitata t-trasparenza fil-proċess tal-għażla. Ministri f’pika bejniethom kif jieħdu ħaddiema mis-settur privat u jdaħħluhom fi skemi jew xogħol b’kuntratt b’kundizzjonijiet prekarji.

Il-politika Laburista dwar ix-xogħol f’Għawdex spiċċat xogħol għall-barranin minflok xogħol produttiv għal Għawdxin f’Għawdex stess! Niltaqa’ wkoll mal-istudenti u l-ewwel li jsemmulek hu li m’hemmx għajnuna għalihom, ebda investiment ġdid fl-MCAST. U allura Gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jaħdem biex niċeċ ekonomiċi ġodda li se jkun qiegħed jattira lejn Għawdex, ikunu kumplimentati anki b’korsijiet u bi programmi ta’ taħriġ għall-istudenti Għawdxin f’Għawdex stess.

Niltaqa’ mas-sajjieda fil-portijiet Għawdxin u mal-bdiewa f’ħafna zoni tal-kampanja, u tisma’ l-karba tagħhom li mhux qed isibu l-għajnuna, l-appoġġ li tant għandhom bżonn biex waqt li jtaffu l-ispejjeż ikunu jistgħu wkoll jimmodernizzaw l-operat tagħhom. Qiegħed ngħid dan kollu għax il-politika tal-PN hi li kemm jista’ jkun iwieżen lill-Għawdxin fis- setturi soċjo-ekonomiċi kollha ħalli d-distakk, il-qasma reġjonali bejn Malta u Għawdex tonqos kemm
jista’ jkun. Eżempju wieħed minn ħafna hija d-differenza fil-paga medja bejn Malta u Għawdex qed tkompli dejjem tiżdied – minn differenza ta’ ftit aktar minn €300 fl-2012 għal kważi differenza ta’ €2,500 illum. Tmien darbiet aktar.

Għalhekk, il-PN irid idawwar ir-rotta biex Għawdex ma jkomplix jintlaqat minn tnaqqis fil-popolazzjoni l-aktar ta’ żgħażagħ u dawk li għadhom qed jibnu familji milli jfittxu li jkollhom bażi f’Malta, jekk mhux anki barra minn Malta. Dan hu kruċjali li fuqu anki rrimarkat il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Laburista mhux qed jagħti widen. X’se jagħmel il-PN biex jiggarantixxi servizzi tas-saħħa għall-Għawdxin f’Għawdex stess f’kuntest li l-Gvern Laburista biegħ l-isptar lill-barranin?

Tajjeb li nagħtu sfond ta’ dak li ddeċieda l-Gvern Laburista minn wara dahar il-poplu, ta’ dak li l-Prim Ministru Robert Abela kompla jagħmel fuq li ddeċieda Joseph Muscat, ħalli l-Għawdxin jifhmu kif qed jinsterqu u kif qed ikollhom iħallsu għall-korruzzjoni anki fis-settur tas-saħħa. L-Għawdxin stess jgħidulek li s-servizzi tas-saħħa sejrin lura, u dan minkejja li l-Gvern qiegħed jippompja aktar minn €80 miljun fis-sena lil Steward Healthcare. Il-Gvern Laburista għamel l-akbar ħadma mas-saħħa tal-Għawdxin wara li biegħ l-isptar fl-2015 bl-iffirmar tal-ftehim ma’ Vitals Global Health Care.

L-akkużi tal-PN li dan hu deal korrott huma sostanzjati b’rapporti uffiċjali. U issa wkoll kellna l-istorja li żvelat kif kif l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat ingħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’“miżati ta’ konsulenza” minn kumpanija Żvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare. U din il-ħadma korrotta qiegħda ssir bil-barka tal-politiċi Laburisti Għawdxin. Tliet Ministri Għawdxin li ma lissnux kelma, u meta l-Ministru għal Għawdex tkellem, ftaħar b’dan id-deal korrott, li dan meta anki Steward qegħdin jikkonfermaw li kien hemm il-korruzzjoni. U l-Gvern Laburista bla mistħija ta’ xejn, minn flus il-poplu, fil-Baġit 2022 qiegħed jivvota żieda ta’ aktar minn €20 miljun oħra.

Quddiem dan il-ħmieġ u falliment, il-PN ma jridx ikun kompliċi. Hemm id-determinazzjoni u t-tweġiba tal-PN hi proposti konkreti li jagħtu dinjità lil dawk li jirrikorru għas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Il-PN qed jintrabat li mill-Gvern jerġa’ jgħaddi s-servizz tas-saħħa f’Għawdex lura f’idejn l-Għawdxin filwaqt li jibni Sptar Ġenerali ġdid ta’ 400 sodda. Apparti li nżommu lill-ħaddiema kollha ta’ Steward Healthcare u jintegrahom fl-isptar u fis-servizz il-ġdid, u fejn ma jkunx hemm distinzjoni fis-salarju li jirċievu kif qiegħed iseħħ illum.

Il-PN fil-Gvern jiggarantixxi li l-Għawdxin ikollhom tassew servizz eċċellenti mhux biss fis-saħħa inġenerali imma wkoll fil-kura u s-sostenn fil-komunità tal-anzjani, persuni b’diżabbiltà u dawk li jbatu bid-dimensja u diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Għalhekk qed nikkommettu bħala Partit li mill-Gvern, jibda servizz ġdid ta’ MRI fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, helipads suffiċjenti fuq l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fuq Mater Dei għat-trasferiment b’emerġenza ta’ pazjenti minn Għawdex għal Malta, kura u sostenn fil-komunità għall-anzjani bil-ftuħ ta’ ħames djar għall-anzjani f’ħames lokalitajiet differenti u dan isir fl-ewwel leġiżlatura, kura u appoġġ fil-komunità għall-persuni Għawdxin bi sfidi ta’ saħħa mentali waqt li dan jgħodd ukoll għal persuni b’diżabbiltà u dawk bid-dimensja. Il-ħidma tal-PN ma tieqafx hawn għax aktar proposti se jiġu ppreżentati fiż-żmien li ġej.

X’impatt qiegħed iħalli fuq l-aċċess f’Għawdex stess in-nuqqas ta’ proġetti, inkluż dawk infrastrutturali? Għal dawn l-aħħar disa’ snin, drajna li f’kull baġit ikun hemm lista ta’ proġetti, u kif tgħaddi sena tara li ftit li xejn sar minnhom, jew ma jitwettqux jew saħansitra jisparixxu. Issa din is-sena, il-Ministru tal-Finanzi fl-ewwel diskors tiegħu tal-Baġit kien innovattiv – m’għamilx lista għax injora lil Għawdex għalkollox.

Ħa nsemmi xi proġetti li qatt ma bdew minkejja li twiegħdu mill-PL fil-Gvern; sptar ġdid, cruiseliner terminal, casino, jott marina, breakwater f’Marsalforn, il-baga fix-Xlendi għall-cruiseliners, qorti ġdid, proġetti ta’ afforestrazzjoni, triq alternattiva mill-Imġarr, parkeġġ fix-Xlendi, imħażen għad-dilettanti tal-Karnival, hub għall-intrapriżi żgħar u medji fix-Xewkija, masterplans għal zoni urbani u ekoloġiċi li baqgħu biss fuq il-karta, akkomodazzjoni soċjali u djar tal-anzjani fost oħrajn. Lista li ma tieqafx.

Imma ma’ din il-lista hemm lista oħra ta’ proġetti li l-PL fil-Gvern jispikka fihom. Dawk li jħallihom mitluqa, nofs leħja. Ħa nsemmi wkoll xi wħud li jaqgħu f’din il-katergorija: id-dar tal-anzjani f’Għajnsielem; skola primarja fir-Rabat; park and ride f’Ta’ Xħajma; karozzi tal-linja elettriċi mixtrija li tħallew abbandunati; il-park għall-familji fix-Xagħra; u l-masterplan għal razzett sperimentali. Imma bħallikieku dan il-falliment mhuwiex biżżejjed, imbagħad hemm xi proġetti li jibdew imma jieħdu s-snin biex jitlestew, u meta jitlestew ma jkunux lesti għalkollox. Insemmi ċ-ċentru tal-kura primarja fir-Rabat, il-faċilitajiet għas-sajjieda fl-Imġarr, it-triq tal-Imġarr fin-Nadur u ċ-ċentru akwatiku. U hawn nibqa’ nsaqsi kemm varjat ’il fuq l-ispiża għal kull proġett?

U la qiegħed insemmi t-toroq, nirrimarka li f’disa’ snin għadu ma ntużax ċenteżmu wieħed minn fondi tal-UE għal toroq ġodda f’Għawdex. X’differenza minn żmien Gvern Nazzjonalista li fost il-proġetti tat-toroq, kien wettaq disa’ proġetti infrastrutturali ta’ toroq mibnija mill-ġdid b’servizzi ġodda. Illum f’Għawdex l-investiment infrastutturali hu qoxqox b’toroq fi stat diżastruż u kriżi kbira għal spazji ta’ parkeġġ f’ħafna miz-zoni l-aktar frekwentati bħar-Rabat u l-Imġarr.

Biex Għawdex jagħmel il-qabża li hemm bżonn, hemm il-kwistjoni tal-konnettività li jidher li hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku. X’taħseb dwar dan? Proprju dan hu l-pjan propost mill-PN meta jkun fdat li jmexxi l-Gvern. Aħna ma nikkuntentawx biss bl-introduzzjoni tal-fast ferry, li ta’ min jgħid beda ferm aktar tard minn meta kien imwiegħed mill-
Gvern Laburista. Lanqas bir-raba’ vapur li twikkejna bih u li ma jixraqx għaż-żminijiet tal-lum. Mill-Gvern, il-PN jieħu ħsieb li jinbnew żewġ vapuri ġodda waqt li jkun introdott mill-ġdid is-servizz tal-merkanzija. Dan is-servizz jassigura li kull fabbrika u kull intrapriża Għawdxija jkollha servizz maħsub apposta għaliha li jiftaħ il-potenzjal biex tikkompeti f’Malta u tesporta ’l hinn. Minbarra dan, it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr ikun kapaċi jiġġenera aktar impjiegi.

Hemm ukoll l-idea tal-link permanenti bejn Malta u Għawdex. Il-pożizzjoni tal-PN hi li l-proġett jiddependi minn dak li jirriżulta minn referendum fost l-Għawdxin fuq bażi tal-istudji professjonali kollha li jkunu pubblikati u spjegati, segwiti minn konsultazzjoni pubblika vasta. Hemm ukoll il-proġett tal-metro bħala alternattiva li tissemma’, u hawn għandna sitwazzjoni li bil- Gvern preżenti, li skont il-pjani li preżentalna, l-Għawdxin għal darb’oħra huma esklużi u minsijin.
Kif qal tant tajjeb dan l-aħħar il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-pjan tal-PN għal metro jkun jinkludi wkoll lil Għawdex.

Problema oħra li qed terfa’ rasha f’Għawdex hi l-bilanċ bejn l-ambjent u l-kostruzzjoni, b’ħafna jgħidulek li Għawdex beda jitlef il-karatteritiċi tiegħu wkoll. X’inhuma l-osservazzjonijiet tiegħek, u kif il-PN se jindirizza din is-sitwazzjoni qabel ma ssir problema serjissima?

Il-mod kif inħarġu numru kbir ta’ permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar, fl-aħħar tmien snin, juri biċ-ċar li l-Gvern Laburista ġie jaqa’ u jqum mill-ħarsien tas-sbuħija tal-gżira. Din hi politika short-sighted li għad irridu nbatu l-konsegwenza tagħha fis-snin li ġejjin. Politika li wasslet biex Għawdex tilef u qed jitlef dak li jagħmlu uniku. Bħala PN, nifhmu li min għandu proprjetà jew art li tista’ tkun żviluppata jkun jrid jimmassimizza l-valur tagħha. Iżda dan għandu dejjem isir b’ħarsien sħiħ tal-identitá tal-gżira Għawdxija, tal-karatteristiċi tal-lokalità fejn ikun se jsir l-iżvillupp u ġirien li jgħixu fl-istess zona.

Kull żvilupp għandu jkun ikkunsidrat dejjem fi kwadru akbar tal-interess pubbliku u dak li jagħmel il-gżejjer tagħna isbaħ u mhux li jkerrah. Dan l-obbligu jaqa’ kollu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar li l-uffiċjali tagħha huma mħallsin mit-taxxi biex iħarsu l-ġid komuni. Sfortunatment, fl-aħħar tmien snin, l-Awtorità tal-Ippjanar b’direzzjoni ċara minn Kastilja saret Awtorità tal-permessi akkost ta’ kollox bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika, is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika u bla ebda ħsieb kif tista’ tiġi mħarsa s-sbuħija ta’ Għawdex. Toroq sħaħ bi djar tipiċi Maltin ġew mibdula jew qed jiġu mibdula fi blokok ta’ appartamenti bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika tal-post u bla ebda ħsieb lejn kif se tkun effettwata l-kwalitá tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu f’ dik il-lokalitá u dawk it-toroq.

Dan kollu sar u kien mbuttat ’il quddiem fl-aħħar tmien snin meta fl-ewwel parti tagħhom Robert Abela kien l-konsulent legali prinċipali tal-Awtoritá tal-Ippjanar u Joseph Muscat li kien Prim Ministru direttament responsabbli mill-istess Awtoritá. L-istess politika għadha tkun implimentata llum b’Robert Abela Prim Ministru.

Infakkar ukoll li ftit tax-xhur ilu s-Sindki kollha ta’ Għawdex ħarġu bi 38 proposta dwar kif jista’ jitwaqqaf ċertu żvilupp li qed iwassal għall-qerda tal-ambjent urban u rurali ta’ Għawdex. Minkejja li meta kienu sottomessi dawn il-proposti kemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ministru għall-Ambjent qalu li jaqblu magħhom illum xhur wara għandhom ma attwawx proposta waħda biss minn dawn it-38 proposta. B’differenza, il-PN diġà beda janalizza dawn il-proposti biex flimkien m’oħrajn ikun f’pożizzjoni jimplimenthom ħalli jassigura li s-sitwazzjoni ambjenali f’Għawdex tkun salvata. Din hi r-rieda tagħna li nwaqqfu l-ħsara li għadha qiegħda ssir. Ma fadalx wisq żmien.