Lokali Qorti

Il-Qorti teħles lir-residenti ta’ Marsaskala mill-akkużi kollha kontrihom

Grupp ta’ residenti minn Marsaskala fosthom il-Minority Leader tal-Kunsill Lokali, John Baptist Camilleri, inħelsu mill-akkużi kollha miġjuba kontrihom fil-Qorti f’seduta iżjed kmieni dalgħodu. Ir-residenti ġew mixlija b’akkużi assurdi fosthom li dendlu banners b’mod “illegali” u li ġabru fondi għall-attivitajiet tagħhom b’mod illegali. Il-maġistrat immedjatament waqqa’ l-każ kontrihom fl-ewwel seduta tal-Qorti il-Ġimgħa filgħodu.

Ir-residenti ta’ Marsaskala huma ċittadini attivi li qed jitolbu titjib fil-lokalità tagħhom kif ukoll jikkritikaw ir-regħba ta’ ċertu negozjanti li qed jisirqulhom il-kwalità tal-ħajja u l-ispazji pubbliċi. F’każ ta’ intimidazzjoni inaċċettabbli għall-aħħar, il-Pulizija bdiet issejjaħ lill-persuni involuti f’dan il-grupp u tixlihom b’dawn l-akkużi ridikoli, wara rapporti li saru kontrihom min-negozjant Eric Abela. Abela naqas milli jidher fil-Qorti dalgħodu sabiex jissostanzja l-allegazzjonijiet bla bażi tiegħu.

Eric Abela għandu interessi kummerċjali fil-pjazza ta’ Marsaskala u kkawża rabja fost ir-residenti wara li, permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu f’kumitat li ġie stabbilit b’mod illegali mis-Sindku, sar magħruf li qed jiddiżinja l-pjazza u l-madwar sabiex jaqdi l-interessi kummerċjali tiegħu.

Il-President tal-kumitat kien il-kuġin ta’ Abela, Ray Abela, kandidat tal-PL għall-elezzjoni ġenerali. Minn dak iż-żmien, il-kumitat ġie xolt wara li r-residenti żvelaw li l-kumitat infetaħ fi ksur tar-regoli applikabbli, iżda wissew ukoll li l-pjanijiet li tfasslu mill-kumitat issa qed jiġu promossi minn konkors tal-MTA għall-iżvilupp tal-lokalità.

Minkejja l-intimidazzjoni kollha li sofrew, ir-residenti se jkomplu fl-attiviżmu tagħhom u se jkomplu jmexxu l-ġlieda kontra l-Yacht Marina li qed tiġi proposta fil-lokalità. L-organizzazzjoni u d-determinazzjoni tagħhom għandha tkun ta’ eżempju għar-residenti Maltin u Għawdxin li jridu jingħaqdu kontra dawn il-forzi li jridu jisirqulna l-ispazji tagħna u jkissru l-ambjent għall-gwadann personali tagħhom.