Lokali

Iż-żgħażagħ frustrati bit-telqa fl-ambjent, il-konġestjonijiet tat-traffiku, l-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ opportunitajiet

Dan l-aħħar kien ippubblikat rapport dettaljat mill-kumpanija Ernst and Young b’riżultati tal-opinjoni pubblika li, fost l-oħrajn, juri li mas-60% taż-żgħażagħ Maltin mhumiex jaraw futur f’pajjiżna u għalhekk jixtiequ li jkollhom l-opportunità li jimirħu lil hinn minn xtutna. Qalu dawn iż-żgħażagħ, li l-kwistjonijiet marbuta mal-ambjent u l-iżvilupp kull fejn tħares, in-nuqqas ta’ opportunitajiet, ix-xenarju politiku dejjem tqil, is-sriebet ta’ karozzi, it-traffiku u l-istaġnar li qed iġib miegħu kif ukoll l-għoli tal-ħajja huma fost il-kwistjonijiet l-aktar li qed jaqtgħu qalb iż-żgħażagħ tagħna. Fi ftit kliem dan ir-rapport tal-opinjoni pubblika juri kif allura mas-60% ta’ dawk bejn is-16 u l-25 sena jippreferu li kieku jistgħu jgħixu f’xi pajjiż ieħor fl-Ewropa, filwaqt li 59 fl-mija ta’ dawk bejn il-25 u l-40 sena jaħsbu l-istess. Kienu 28 fil-
mija ta’ dawk taħt il-25 sena u 26 fil-mija ta’ dawk sa 40 sena li jippreferu li jibqgħu jgħixu f’pajjiżna. Il-Mument talab reazzjonijiet mingħand xi żgħażagħ li amplifikaw il-ħsibijiet tagħhom dwar dak li qed jolqothom direttament f’pajjiżna, u għaliex is-sitwazzjoni għal ħafna minnhom m’għadhiex tagħmel sens.

Ir-rotta li qbadna trid titwaqqaf għal futur aħjar

Nicole Zammit, studenta tal-Liġi fit-tieni sena: Għalkemm nifhem xi drabi barra minn Malta l-opportunitajiet jidhru aktar sbieħ u aktar attraenti, nifhem li m’għandniex naħarbu mill-problemi li hawn fil-pajjiż u ż-żgħażagħ għandhom
jagħmlu l-parti tagħhom biex dawn il-problemi, b’xi mod, ikunu indirizzati ħalli r-rotta li qbadna f’pajjiżna titwaqqaf u jkollna futur aħjar. Irridu nkunu aħna ż-żgħażagħ li niġġieldu dawn il-problemi biex hekk ikollna futur aħjar kemm għalina u anki għal ta’ warajna. Inutli żgħażagħ joqogħdu jilmentaw u jgergru dwar il-problemi tat-traffiku, tat-tniġġis fl-arja, tan-nuqqas ta’ parkeġġ, tal-ambjent, tal-bini bl-addoċċ li tiela’… irridu nibdew billi kull wieħed u waħda minna jistaqsi x’jistgħu jagħmlu huma – anki affarijiet żgħar ħafna – biex din it-trend negattiva li qabad pajjiżna fl-aħħar snin titwaqqaf għall-ġid ta’ pajjiżna stess, imma, fuq kollox, għal futur aħjar għalina ż-żgħażagħ.

Jien inħares anki lejn il-qasam tal-opportunitajiet u nemmen li għandhom ikunu offruti liż-żgħażagħ aktar korsijiet akkademiċi varji oħrajn kif wieħed isib lil hinn minn xtutna. Għandi f’moħħi l-kors li jwassal biex żgħażagħ isiru Veterinarji. Dan hu kors speċjalizzat li ssibu f’divesi pajjiżi oħrajn, iżda f’pajjiżna ma ssibux u allura min jixtieq jaqbad dik il-karriera jkollu bilfors iħalli pajjiżna għal ċertu snin, jonfoq flejjes kbar u dan biex isegwi kors li jista’ jkun organizzat f’pajjiżna stess. Nisħaq li ż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu parti mill-problema, iżda għandhom ikunu parti mis-soluzzjoni biex il-problemi li għandna f’pajjiżna jissolvew u f’pajjiżna tinbidel ir-rotta li qed taqta’ qalb ħafna miż-żgħażagħ li allura jfittxu opportunitajiet lil hinn minn xtutna biex jagħmlu karriera; biex jibnu futur.

Bilfors ikolli ngħid ukoll li fost id-diversi problemi kbar li qed idejqu liż-żgħażagħ hemm it-trasport. Għaliex għandna sistema ta’ trasport pubbliku li ma tistax toqgħod fuqha? Karozza tal-linja suppost li tasal f’ċertu ħin, iżda minflok titfaċċa ħafna ħin wara! Mhux bilfors imbagħad li ħafna żgħażagħ jagħżlu li jixtru l-karozza privata tagħhom b’self mill-banek u b’intrigi oħrajn! U dan qed iwassal biex jiżdiedu l-karozzi fil-pajjiż… Le, dan qed iwassal biex ikompli jiżdied it-traffiku ma’ kull rokna fil-pajjiż. Biex tilħaq l-ewwel lezzjoni fl-Università trid titlaq mid-dar fis-6am! Mhux ċajta ta’!
Imma agħar minn hekk li tasal l-Università u ssibha diġà ppakkjata bil-karozzi u ma ssibx parkeġġ fejn tkun tista’ tħalli l-karozza tiegħek. Jiġiferi żagħżugħ jinvesti f’karozza biex mingħalih jiffranka l-ħin iżda xorta waħda jinqabad f’ċirku ieħor ta’ problemi. Allura dan kollu mhux frustranti?

Iż-żgħażagħ awtomatikament jibdew iħarsu lil hinn minn xtutna b’dawn il-problemi għaliex iċ-ċirasa fuq il-kejk tkun li faċilment tispiċċa taqla’ xi ċitazzjoni wara li tkun ilek iddur u tgħaqad biex issib xi forma ta’ parkeġġ! Dan meta għadni ma tkellimtx dwar diversi problemi oħrajn relatati mat-tniġġis fl-arja, l-imwiet kaġun tat-tniġġis, il-livell għoli ta’ tniġġis fl-inħawi tal-Port il-Kbir. Jiġifieri issa qed nitkellem dwar problemi serji relatati mas-saħħa. Ħaġa magħquda mal-oħra li fi ftit kliem twassal għall-ambjent… Jiġifieri tlaqt mill-opportunitajiet fl-edukazzjoni, messejna mal-problema tat-traffiku u t-tniġġis, dħalna fil-problemi tas-saħħa u awtomatikament issa sibna ruħna fil-problemi kbar li hawn f’pajjiżna relatati mal-ambjent. Il-kwistjoni ‘ambjent’ hi waħda mill-akbar kwistjonijiet li tassew qed iddejjaq lil ħafna żgħażagħ. Dik li qed jaraw lill-Gvern, lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Infrastruttura Malta jaġixxu b’gaffa fil-konfront tal-ambjent: ħruġ ta’ permessi bl-addoċċ, tqaċċit ta’ siġar, bini ta’ valur storiku demolit… zero ħarsien u protezzjoni għall-ambjent. Għaliex għandu jasal il-Ħadd u ma tistax tmur tagħmel passiġġata mal-familja jew mal-ħbieb f’xi spazju pubbliku għaliex kullimkien ikun diġà mballat bin-nies jew l-istess spazji se jinbidlu f’xi blokka konkrit?

F’Malta pagi baxxi u prezzijiet ogħla minn barra… niskanta kif jirnexxielna
nkampaw

Daniel Caruana, ħaddiem f’uffiċċju ta’ servizzi finanzjarji: Bħalissa, lili personalment, l-aktar kwistjoni li qed tolqotni fil-laħam il-ħaj hi dik ta’ isem Malta fil-lista l-griża tal-FATF. Naħdem f’uffiċċju ta’ kumpanija barranija stabbilità f’Malta u li sservi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Nista’ ngħid li l-ħaddiema fis-settur tas-servizzi finanzjarji huma inkwetati li llum
imorru għax-xogħol u ok, iżda għada jmorru għax-xogħol u s-sidien jgħidulhom li l-operat tagħhom f’Malta se jingħaqal għaliex il-kumpanija se tirriloka f’xi pajjiż ieħor fejn m’hemmx problemi ta’ listi griżi.

Forsi min ma jaħdimx fis-settur tas-servizzi finanzjarji din ma jarahiex problema kbira, iżda għaż-żgħażagħ li jaħdmu f’dan is-settur delikat, l-affarijiet mhuma xejn ta’ serħan il-moħħ. Mur il-Bank biex tipprova tagħmel loan fuq xi propjetà u tara kif jaqlagħlek qalbek bid-dokumenti li jitolbok u finalment jgħidlek li għalissa ma jistax japprovalek is-self għaliex minħabba l-lista l-griża jista’ jagħti l-każ li l-kumpanija fejn taħdem taf tfittex xi pajjiż ieħor u titlaq minn Malta.

Is-sitwazzjoni hi waħda tad-disperament. Ħalli ngħidlek oħra… mur ipprova ixtri post. Malajar jgħidulek xi €250,000 jew €300,000. Ara minn fejn trid iġġib dawk il-flus hekk kif tkun għadek kemm tibda l-ħajja? Mela l-ewwel tagħmel ma nafx
kemm-il sena tistudja. Imbagħad tidħol f’relazzjoni. Imbagħad tipprova tixtri biċċa post… iżda quddiemek issib ħajt m’ogħla hawn bil-prezzijiet li jitolbuk. Dan hu li qed niffaċċjaw iż-żgħażagħ illum u jien ma neħodha bi kbira xejn li ħafna żgħażagħ jagħmlu l-kuraġġ, jippakkjaw u jdabbru rashom biex isibu futur lil hinn minn xtutna.

Futur hawn? Futur hawn b’dawn il-pagi baxxi li għandna. Ipparagunaw ftit il-pagi ta’ żagħżugħ li jagħmel ċertu xogħol hawn mal-paga ta’ żagħżugħ ieħor li jagħmel l-istess xogħol f’pajjiż barrani. Mela hawn dan iż-żagħżugħ jaqla’ ammont ta’ flus iżda dak iż-żagħżugħ barrani, għall-istess xogħol, ikollu kundizzjonijiet u pagi ferm u ferm ogħla. Hekk sew?

Mela f’’pajjiżna tmur tixtri u ssib li l-ħajja togħla minn ġimgħa għall-oħra, imbagħad issiefer, tidħol f’supermarkets u ssib li għall-istess prodott li tixtri minn Malta, il-prezz hemmhekk hu orħos! Ara kemm qegħdin tajjeb. Prodott A minn
Malta jiswa X, iżda l-istess prodott A minn barra bl-istess tikketta u kollox, jiswa inqas!

Fl-aħħar snin ħafna żgħażagħ saru jsiefru spiss u dan wassal biex jagħmlu l-paraguni u għalhekk ħafna jixtiequ li jagħmlu ħilithom u jmorru jgħixu barra l-pajjiż. Għaliex filwaqt li hawn il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma inqas
minn dawk f’barra, il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel huma ferm ogħla. Mela aħna kollox kontrina! Niskanta biss kif jirnexxielna nkampaw. Dan kollu biex imbagħad ma nsemmilekx iċ-ċokon ta’ pajjiżna, li ma ssibx fejn toħorġ u fejn tmur, traffiku kullimkien u bini bl-addoċċ kull fejn tħares.

Ħajja mgħaġġla li titlob xogħol full-time u part-time

Jason Mizzi, tekniku fil-qasam tal-kompjuters: Il-ħajja saret mgħaġġla wisq. Biex tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja trid tagħmel xogħol full-time u ieħor part-time. Din is-sitwazzjoni qed tpoġġi ħafna pressjoni fuq iż-żgħażagħ u l-konsegwenzi huma diversi. Jien involut f’każin fejn nagħmlu x-xogħol tal-armar u nista’ ngħidlek li l-pressjoni
fuq iż-żgħażagħ qed twassal biex naqas sew il-volontarjat. B’paga waħda ma tvinċix. Il-paga biss ma sservikx għall-ispejjeż li jkollok. Min irid ikun agħar minn ħaddieħor? U jekk ikollok bżonn jeans mhux tixtrih trid? U jekk ikollok bżonn il-fuel se tħalli l-karozza wieqfa?

Nifhem għaliex ħafna żgħażagħ huma mdejqa. Prezzijiet għoljin infern. Il-ħajja togħla bil-ġimgħat. Ħadd ma jagħmel xejn biex jikkontrolla l-prezzijiet. Imsieken l-anzjani. Imma msieken ukoll iż-żgħażagħ. Għidli kif jistgħu jgħadduha dawk li għandhom stipendju biss? Mela bl-istipendju biss tista’ tgħix? Hemm diversi kwistjonijiet li qed jagħmlu l-ħajja taż-żgħażagħ waħda diffiċli ħafna, inkuż l-ambjent meqrud ta’ madwarna, it-traffiku kullimkien. Kif tista’ tgħix f’pajjiż hekk? Bħal donnu ż-żgħir tkompli tiġih ħażin u min hu sta bene ma jifhimx il-problemi taż-żgħażagħ li allura jaraw fis-safar parti mis-soluzzjoni għall-problemi tagħhom.

Naturalment mhux faċli li wieħed jissetilja barra minn pajjiżna għaliex hemm numru ta’ diffikultajiet, iżda kollox jindika li hawn bosta żgħażagħ li meta poġġew kollox fuq il-miżien – iddeċiedew li aħjar jgħaddu mill-iebes barra minn xtutna
iżda fit-tul l-affarijiet ikunu favur tagħhom u ma jkollhomx aktar il-problemi taċ-ċokon li qed joffri pajjiżna, inkluż bl-iffullar tant li ma ssibx fejn tista’ toħroġ jew tmur mal-ħbieb jew mal-familja.

In-nuqqas ta’ opportunitajiet u l-arja politika dejjem tqila xebbgħu liż-żgħażagħ

Thomas De Martino, student tal-Liġi fit-tielet sena: Hemm numru ta’ problemi li qed iwasslu biex mas-sittin fil-mija taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxi ma humiex kuntenti bil-mod kif sejrin l-affarijiet f’pajjiżna.

Fuq quddiemnett hemm il-kwistjoni tal-ambjent u t-temi relatati, jiġifieri l-iżvilupp eċċessiv, il-ħruġ ta’ permessi bl-addoċċ għal aktar bini filwaqt li binjiet qodma huma minsija, il-problemi kollha relatati mat-traffiku, u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa fejn iż-żgħażagħ jistgħu joħorġu għal ftit arja nadifa. Hemm ukoll il-problema tan-nuqqas ta’ opportunitajiet.

Ħafna miż-żgħażagħ qed jirriżulta li qed iħarsu lejn numru ta’ destinazzjonijiet lil hinn minn xtutna għaliex qed jaraw ċans ta’ opportunitajiet li f’pajjiżna m’għandniex, speċjalment fid-dawl tal-problema tal-pagi baxxi jew inkella dik tal-
istaġnar tal-pagi li hawn f’pajjiżna. Ħafna żgħażagħ huma wkoll litteralment imxabba bil-fatt li f’pajjiżna kull kwistjoni trid tispiċċa ballun politiku u għalhekk il-politika qed toħnoq kollox. Għalfejn din il-klima esaġerata ta’ politika taħraq? Xi ħadd jaħseb li għaliex ikollna din il-klima taħraq se tattira lil xi żagħżugħ jew żagħżugħa biex ikunu kuntenti f’pajjiżna?

Kollox jipponta lejn il-problema li finalment iż-żgħażagħ ma humiex jgħixu l-livell ta’ għajxien li jixtiequ. Pressjonijiet Iż-żgħażagħ iridu pajjiż fejn it-titjib li jsir fl-oqsma kollha finalment jirriżulta f’titjib fil-kwalità ta’ ħajja għalihom. Fattur ferm importanti li ħadd ma jista’ jinjora hu dak li ż-żgħażagħ ukoll huma direttament effettwati mill-għoli tal-ħajja. Forsi ħafna żgħażagħ ma jmorrux jagħmlu x-xirja huma imma xorta waħda huma milquta mill-għoli tal-ħajja… Mur ixtri tibdila biex tkun taf kemm għoliet? Mur ixtri online biex tara kemm għolew it-tariffi minn barra? Mhux ikollok karozza u ara kemm għandek bżonn flus biex iżżommha taħdem u f’kundizzjoni tajba?

Qed ngħid dan kollu biex ma mmissx pjaga u problema kbira li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ… dik meta jaslu biex ifittxi xi tip ta’ proprjetà. Il-bini kollu għola m’ogħla s-smewwiet. Jekk se tixtri se tidħol għal ħafna spejjeż mal-Banek u prezzijiet għolja infern. Jekk se tikri wkoll se jkollok tiffaċċja kirjiet għolja. Din hi kwistjoni kbira ħafna li qed taqta’ qalb iż-żgħażagħ u hu għalhekk li ħafna żgħażagħ qed idawru ħarsithom lil hinn minn Malta għaliex qed jaraw li f’ċerti bliet lil hinn minn Malta l-affarijiet għadhom deċenti u hemmhekk jistgħu jagħmlu ħajja deċenti għalihom.

Jake Scerri Seychell, accountant ma’ kumpanija privata lokali. Hemm għadd ta’ fatturi differenti għalxix iż-żgħażagħ esprimew lilhom innifshom b’dak il-mod, fis-sens li ħafna minnhom jixtiequ li jmorru jgħixu f’xi pajjiż barrani. Fuq quddiemnett tal-kwistjonijiet li l-aktar li jinkwetaw liż-żgħażagħ hemm l-ambjent għaliex fl-aħħar snin f’pajjiżna ħa daqqa kbira ħafna mhux biss mill-Gvern, iżda wkoll minn ħafna minna li ma japprezzawx l-ambjent ta’ madwarna.
Il-Gvern għamilha ċara li għalih ta’ prijorità akbar huma l-bini u l-iżvilupp u għalhekk tlifna ħafna ġawhriet imprezzabbli.

L-iżvilupp sar b’mod mgħaġġel ħafna u kompliċi f’dan ir-reat hemm ukoll l-Awtorità tal-Ippjanar li ma qieset xejn biex l-iżvilupp isib b’ċertu ħsieb u kawtela. Hu għalhekk li ħafna żgħażagħ huma diżappuntati dwar kif qed iseħħu l-affarijiet
fil-konfront tal-ambjent. Mal-ambjent wieħed irid iżid ukoll il-kwistjoni tal-arja u t-tniġġiż u awtomatikament nidħlu fil-kwistjoni tat-traffiku. Aħna pajjiż żgħir u allura għandna problema serja ta’ trasport. Hawn wisq karozzi. Għandna trasport pubbliku li hu problematiku. Għandna problemi serji.

Problema oħra serja hi dik tan-nuqqas ta’ opportunitajiet. Fl-aħħar snin ma rajna l-ebda tkabbir ekonomiku li jista’ jagħti opportunitajiet liż-żgħażagħ u għalhekk ħafna żgħażagħ tajbin u kwalifikati qed iħallu pajjiżna u jmorru jfittxu
opportunitajiet fi bliet oħrajn Ewropej. Min bħali jaħdem fis-settur finanzjarju jintlaqat ukoll mill-kwistjoni tal-Lista l-
Griża. Rajna ħafna klijenti u negozji li jew diġà ħallew pajjiżna jew li qed jikkontemplaw bis-serjetà li jħallu n-negozju li għandhom hawnhekk biex jistabbilixxu lilhom infushom barra minn Malta. Alla ħares din is-sitwazzjoni tkompli taggrava għaliex eluf ta’ persuni – Maltin u barranin – nispiċċaw bla impjieg.

F’dan l-istħarriġ iż-żgħażagħ bagħtu messaġġ qawwi ħafna. Is-soluzzjoni għall-problemi li għandu pajjiżna għandhom jiddaħħlu fis-seħħ fuq bażi long-term billi kulħadd jagħti s-sehem tiegħu għal ambjent san, soluzzjonijiet prattiċi għall-
kwistjoni tat-traffiku, it-tnissil mill-ġdid tal-fiduċja f’pajjiżna u l-ħolqien mill-ġdid tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.
Saret urġenti li ssir konsultazzjoni nazzjonali maż-żgħażagħ biex ikun implimentat pjan long term għall-ġid ta’ pajjiżna u taż-żgħażagħ Maltinu Għawdxin.