Futbol Lokali Sport

Jake Grech jikkastiga lill-eks tim tiegħu u jagħti rebħa importanti lil Hibernians

Ritratt (Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

HIBERNIANS……1

ĦAMRUN S………….0

Hibernians: I. Kone, F. Apap, L. Almeida, R. Dos Anjos (D. Vella 12’), J. Grech (C. Uzeh), J. Degabriele, B. Kristensen (A. Attard 77’), A. Thaylor, A. Agius, G. Artilles, W. Domoraud

Ħamrun S: H. Bonello, D. Gojkovic, M. Guillaumier, J. Mbong, A. Oyama (S. Lagzir 77’), F. Sasere, K. Micallef, I. Ntow, C. Dielna (D. Borg 86’), E. Marcelina (L. Gambin 57’), F. El Bakhtaoui

Imwissija: I. Kone 32’, L. Almeida 32’, A. Thaylor 78’ (Hi), F. Sasere 91’ (Ħ)

Tkeċċa: F. El Bakhtaoui 40’ (Ħ)

Skorjaw: J. Grech 21’ (Hi)

Referee: Slobodan Perovic

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

F’konfront mistenni bejn żewġ sfidanti għar-rebħ tal-unuri Hibernians fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti fuq iċ-champions lokali, meta f’partita kkumbattuta għelbu liċ-champions Ħamrun Spartans bl-isor ta’ 1-0. Kien gowl mill-isbaħ minn barra l-kaxxa tal-ekx Jake Grech li ta tliet punti importanti lil Hibernians għal-mixja tagħhom lejn ir-rebħ tal-kampjonat. L-Ispartans lagħbu aktar minn nofs il-partita bi plejer inqas meta fl-40 minuta tkeċċa għalihom Faissal El Bakthaoui.

Fl-ewwel disa’ minuti tal-konfront iż-żewġ timijiet kellhom azzjoni kull wieħed lejn il-lasti fejn fil-5 minuta kienu Ħamrun li offrew l-ewwel periklu meta Marcelina tefa’ kross mil-lemin li sab lil Sasere iżda l-konklużżjoni tan-Niġerjan spiċċat barra. Fid-9 minuta mbad azzjoni fuq in-naħa l-oħra meta kien Jurgen Degabriele li nkraiga ruħu minn free-kick mix-xellug u tefa’ kross insidjuż li sab lil Andrei Agius li minn qagħda favorevoli tefa barra bir-ras. Fil 21 minuta Hibernians marru minn fuq. Kien l-eks plejer Ħamruniż JAKE GRECH li minn azzjoni personali avvanza lejn in-nofs u minn barra l-kaxxa spara xutt fl-anglu tax-xibka bil-gowlkiper Bonello megħlub għal kollox. Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima l-affarijiet komplew imorru ħażin għaċ-champions lokali meta wara li kkonsulta mal-assistent Slobodan Petrovic ura karta ħamra diretta lil Faissal El Bakhtaoui wara li jidher li kellu kuntatt ma’ Dunstan Vella. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Hibernians fallew ċans li jidħlu jistrieħu tnejn minn fuq meta wara ħarba tipika minn tiegħu,Thaylor tefa’ kross fin-nofs lejn Artilles li waħdu quddiem Bonello tefa’ inkredibilment barra.

L-ewwel azzjoni perikoluża tat-tieni taqsima waslet fid-59 minuta mill-iskwadra ta’ Sanderra meta Thaylor tefa ballun mal-linja lejn Grech li avvanza u qassam lejn in-nofs fejn sab lil Degabriele, b’dan tal-aħħar jidħol fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu għadda barra. Fit-82 Ħamrun fuq l-attakk iżda l-konklużżjoni tas-sostitut Lagzir ġiet milqugħa tajjeb minn Kone. Fid-89 minuta Ħamrun għoddhom hasdu lil Hibernians meta l-konklużżjoni minn barra ta’ Guillaumier ħabtet mal-mimduda. Fl-aħħar azzjoni tal-partita reġa kien is-sostitut Lagzir li ttanta xortih minn barra iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda ftit barra.