Lokali Saħħa

Konferma li Chris Fearne kien jaf li d-deal tal-isptarijiet kien skandaluż

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ilu jaf li id-deal tal-isptarijiet huwa wieħed ħażin sa mill-2019. Deal li qed jisraq il-miljuni mill-bwiet tal-Maltin u Għawdxin. Deal li għadu sal-lum fis-seħħ, minkejja li l-Ministru tas-Saħħa ilu jaf li hu wieħed skandaluż.

Dan kien konfermat mis-Sunday Times of Malta, meta rrapurtaw li l-Ministru tas-Saħħa tal-lum, Chris Feane u l-Ministru tas-Saħħa ta’ meta sar id-deal, Konrad Mizzi, kellhom argument jaħraq dwar id-deċiżjoni li l-isptarijiet jinbiegħu lill-barranin. It-Times jirrapurtaw wkoll kif Fearne mar għand Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, u qallu li d-deal ma setax jibqa’ fis-seħħ.

Dan kollu jikkonferma kif minkejja bidla fit-tmexxija tal-Partit Laburista, minkejja li Chris Fearne huwa inkarigat mis-settur tas-saħħa u minkejja li kemm hu kif ukoll Robert Abela ilhom jafu mill-2019 li qed ninsterqu, ħallew id-deal tat-tliet sptarijiet ma’ Steward Healthcare fis-seħħ.

Ikkuntattjat mit-Times, Fearne qal li madwar 18-il xahar wara li Steward ħadu f’idejhom l-isptarijiet, sar jaf li l-kumpanija Amerikana kienet qed tiddiskuti reviżjonijiet fil-ftehim mal-Ministeru tat-Turiżmu li kien f’idejn Konrad Mizzi. Fearne saħaq li kien għamilha ċara li ma kienx favur dan id-deal u stqar li ma kienx aċċettabbli li d-diskussjonijiet saru minn wara dahru. Chris Fearne qal li s-sitwazzjoni kienet eskalat meta sar jaf li Steward kienu ġejjin Malta biex jiffirmaw il-ftehim. Dan meta mar għand Joseph Muscat u qallu li ma japprovax dak li kien għaddej. Din mhux biss hi konferma tad-diżgwit fil-kamp Laburista, iżda konferma tal-kontinwità li wiegħed Robert Abela. Ilhom jafu li hemm xi ħaġa ħażina għal diversi snin u baqgħu ma waqqfux id-deal.

Wieħed tajjeb ifakkar li Chris Fearne kien ikkontesta lil Robert Abela biex jilħaq Prim Ministru iżda l-magna tal-Partit Laburista ħadmet biex Prim Ministru jilħaq Robert Abela u mhux Chris Fearne. Ftit wara li sar Prim Ministru Abela kien qal li waqqaf hekk imsejjaħ grupp ta’ ħidma biex jirrevedi l-konċessjoni u jiddeċiedi dwar il-futur tal-kuntratti ma’ Steward. Għaddew kważi sentejn u dwar dan il-grupp ma smajna xejn, id-deal tal-isptarijiet għadu fis-seħħ u l-miljuni li qed nagħtu lil Steward baqgħu jiżdiedu. Dan meta għas-sena li ġejja, fil-Budget il-Gvern ħabbar li se jżid in-nefqa bi kważi 20 miljun ewro biex b’hekk, għal dan id-deal skandaluż, il-poplu Malti se jkun qed iħallas 70 miljun ewro.

Mistoqsi dwar din iż-żieda fin-nefqa, l-għada tal-qari tal-Budget, Chris Fearne kien infexx f’attakk politku fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Mhux talli jaf li hemm xi ħaġa ħażina fid-deal u talli m’għamel xejn dwaru, imma talli meta mistoqsi minn Net News, xorta għażel li jitkellem b’mod partiġġjan.

Apparti dan kollu, fl-aħħar ġimgħat sirna nafu wkoll li Joseph Muscat irċieva €60,000 f’“miżati ta’ konsulenza” mingħand kumpanija Żvizzera li tħallset €3.6 miljun minn Steward Healthcare fl-2018. Dan filwaqt li rapport ppubblikat s-sena l-oħra mill-Awditur Ġenerali sab “tħassib serju” fil-mod ta’ kif ingħata l-kuntratt tal-isptarijiet lill-barranin. L-Awditur Ġenerali qal li Vitals Global Healthcare rebħet il-kuntratt wara “kollużjoni” bejn l-investituri u l-gvern.

Fl-aħħar jiem, Bernard Grech flimkien ma’ Adrian Delia ressqu Protest Ġudizzjarju li żamm responsabbli lill-Prim Ministru l-Membri kollha tal-Gvern talli qed jibqgħu ċassi quddiem din is-sitwazzjoni. Dan filwaqt li Adrian Delia ilu għal dawn l-aħħar snin b’kawża li għadha għaddejja fil-qrati biex dan id-deal jitwaqqaf minnufih. Waqt din il-kawża komplew joħorġu aktar fatti dwar kemm dan id-deal kien wieħed korott.