Futbol Sport

Man City iġibu fix-xejn lil Everton u jnaqqsu d-distakk ma’ Chelsea għal tliet punti

(Ritratt: EPA)

Manchester City, iċ-champions renjanti tal-Ingilterra, taw wirja oħra pożittiva fejn ġabu fix-xejn l-isfida ta’ Everton b’rebħa komda ta’ 3-0 fl-Etihad Stadium.

Is-suċċess ifisser li s-Citizens ta’ Pep Guardiola żammew il-pass ma’ Chelsea, il-liders tal-Premier Ingliż, li nhar is-Sibt kisbu rebħa bi skor simili għand Leicester City u li fil-preżent jinsabu b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq ( it-tieni tim) City.
Man City ħarġu determinati għar-rebħa u ddominaw lil Everton f’kull dipartiment tal-grawnd. Fil-fatt kienet sorpriża li s-Citizens kellhom jistennew sa minuti mill-mistrieħ biex jiftħu l-iskor – bil-gowl jasal minn Raheem STERLING (44) li rċieva mingħand Cancelo biex jiċċelebra bl-isbaħ mod it-300 logħba tiegħu fl-ogħla diviżjoni Ingliża.

Kmieni fit-tieni taqsima, il-midfielder ta’ City RODRI (55) sab ir-rokna tax-xibka b’xutt missila biex effettivament temm l-isfida pjuttost fjakka ta’ Everton U minn dak il-ħin, is-Citizens ikkontrollaw ir-riżultat mingħajr affann, tant li żiedu t-tielet u l-aħħar gowl minn Bernardo SILVA li sab ix-xibka minn tap-in, erba’ minuti mit-tmiem.


Ir-rebħa ta’ City kienet tkun akbar li kieku l-header ta’ Ilkay Gundogan ma stampax mal-lasta — bil-gowlkiper tat-Toffees, Jordan Pickford, iwettaq saves stupendi fuq it-tentattivi ta’ Bernardo Silva u Sterling. Min-naħa tagħhom, Everton, li kellhom diversi plejers regolari neqsin, rari imponew ruħhom fuq l-avversarji u f’din il-logħba huma anki tilfu s-servizzi ta’ Demarai Gray li ħareġ izappap mill-grawnd wara konfront ma’ avversarju.

Fit-tieni logħba tal-programm, Tottenham Hotspur għelbu lil Leeds United, 2-1, fin-New White Hart Lane – b’din tkun anki l-ewwel rebħa fil-league għall-manager Taljan Antonio Conte mindu ħa t-tmun tal-klabb ftit tal-jiem ilu.

Intant, Leeds jistgħu jħossuhom sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta mill-konfront meta Spurs naqsu milli jinkwadraw il-lasta darba fl-ewwel 45 minuta u li fihom il-Yorkshiremen marru qrib b’tentattivi ta’ Kalvin Phillips u Adam Forshaw. Fil-fatt, Leeds kienu premjati għall-isforzi tagħhom meta, fl-44 minuta, Daniel JAMES kien fil-post preċiż biex isammar ġewwa fuq il-cross ta’ Jack Harrison għal vantaġġ minimu sal-mistrieħ.

Intant, it-tieni taqsima kellha storja differenti, b’Tottenham jolqtu l-lasta darbtejn minn Harry Kane u Song Heung-min — u bil-gowl tad-dro jasal fis-60 minuta meta Pierre-Emile HOJBJERG sab ix-xibka b’xutt bid-dawwra, wara xogħol tajjeb minn Lucas Moura.

Il-gowl ta nifs ġdid lil Tottenham li żiedu l-pressjoni sakemm, fid-69 minuta,.il-ballun – wara l-free-kick ta’ Eric Dier – ixxellef mal-ħajt difensiv ta’ Leeds u spiċċa mal-lasta, b’Sergio REGUILON ikollu biċċa xogħol faċli biex jixħet ġewwa għat-2-1 finali. B’dan ir-riżultat Spurs telgħu fis-seba’ post tal-Premier League waqt li Leeds jinsabu żewġ punti biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Leicester v Chelsea 0-3 Newcastle v Brentford 3-3, Burnley v C’Palace 3-3, Aston Villa v Brighton 2-0, Watford v Man Utd 4-1, Wolves v West Ham 1-0, Norwich v Southampton 2-1, Liverpool v Arsenal 4-0
Illum: Man City v Everton 3-0, Tottenham v Leeds 2-1