Il-Kitchen Cabinett tal-Prim Ministru Robert Abela, li tinkludi wkoll persuna jew tnejn mill-familja
Abela, qed jagħtih il-parir li fit-tellieqa elettorali l-magna tal-Partit Laburista jkollha d-direzzjoni ċara
biex taħdem ħalli l-Ministri Edward Zammit Lewis, Byron Camilleri u Justyne Caruana kif ukoll l-Eks
Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u l-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi jibqgħu l-art u ma
jkunux mażżra għall-Gvern ta’ Robert Abela.
F’kull każ, jiġifieri fil-konfront tad-Distretti Elettorali kollha kontestati minn dawn il-ħames Membri
Parlamentari Laburisti, il-Partit Laburista se jkun qed joħroġ kandidati imbuttati direttament miċ-Ċentru
Nazzjonali Laburista b’messaġġ ċar li l-Partit irid lil dawn flok lill-oħrajn.
Dan ix-xenarju qed joħloq problemi interni fil-Partit Laburista bil-ħames Membri Parlamentari indikati
juru li jafu bil-logħba maħmuġa li qed tintlagħab fil-konfront tagħhom bl-iskop li finalment jibqgħu l-art.
Sorsi infurmati fil-Partit Laburista li fl-aħħar ġimgħa tkellmu ma’ Il-Mument, qalu li l-pariri tal-Kitchen
Cabinett huma fis-sens li dawn il-ħames membri tal-Grupp Parlamentari għamlu wisq ħsara lid-dehra tal-
Partit Laburista u spiss Robert Abela kien – anzi għadu – fil-mira ta’ attakki diretti għaliex dwarhom ma
ħa l-ebda passi kif mistennija f’soċjetà demokratika.
L-istess sorsi qalu li l-inqas li Robert Abela u dawk ta’ madwaru stenna minn dawn il-ħames Membri
Parlamentari Laburisti kien li minn rajhom iwarrbu biex hu ma jibqax jitpoġġa f’dell skur.
Kif jista’ jkun li jkollok lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza t-Tajba – jiġifieri lil Edward Zammit
Lewis – protagonista ta’ għadd kbir ta’ messaġġi intimi man-negozjant Yorgen Fenech, is-sid tal-
kumpanija sigrieta 17Black u li bħalissa jinsab fil-Ħabs ta’ Kordin b’rabta mal-allegat involviment tiegħu
fil-qtil li seħħ fil-Bidnija f’Ottubru tal-2017? Allura mhux minn rajh messu warrab għaliex il-pożizzjoni
tiegħu mhix waħda tenibbli.Iżda Edward Zammit Lewis baqa’ hemm, mażżra ma’ riġlejn Robert Abela.
Is-sorsi ta’ Il-Mument staqsew kif jista’ jkun li lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri jiddefendi u joħroġ
għonqu għall-Kurunell Alexander Dalli invista ta’ dak kollu li seħħ fil-Ħabs fl-aħħar tliet snin fejn xejn
inqas minn 14-il resident fil-Faċilità Korrettiva spiċċaw ħarġu mejta mill-istess ċella tagħhom apparti
mill-allegazzjonijiet serjissimi li hemm jiċċirkulawh? Allura mhux minn rajh messu warrab għaliex il-
pożizzjoni tiegħu mhix waħda tenibbli. Iżda Byron Camilleri baqa’ hemm, mażżra ma’ riġlejn Robert
Abela.
Huma osservaw ukoll li kif jista’ jkun li mbagħad ikollok bħala l-Ministru tal-Edukazzjoni, lil Justyne
Caruana, li f’dan il-qasam mexxiet b’nuqqas ta’ ħila u arti sal-punt li mijiet ta’ studenti għadhom sal-jum
tal-lum isofru minn nuqqas ta’ preparamenti li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għamel b’rabta ma’ din is-sena
skolastika? Dan apparti l-fatt li kaġun tal-istess Ministru Caruana hemm għalliem frustrati u studenti li
suppost qed jistudjaw, iżda minflok intbagħtu jgħallmu! Allura mhux minn rajha messha warrbet għaliex
il-pożizzjoni tagħha m’għadhiex tenibbli. Iżda Justyne Caruana baqgħet hemm ukoll, mażżra ma’ Robert
Abela.
L-isteSs sorsi qalulna li kif jista’ jkun li jkollox lill-Eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li
minkejja t-tgħaffiġ kollu mdaħħla fih, u minkejja ċ-ċanfira li qalgħet din il-ġimgħa mingħand l-Ispeaker
Anġlu Farrugia u minkejja li xorta għadha investigata minn aktar minn entità waħda, tibqa’ hemm,
tokkupa siġġu parlamentari, qisu xejn? Bla mistħija ta’ xejn meta kulħadd jaf li naqset serjament anki fuq
livell ta’ etika u rispett lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament. Iżda Rosianne Camilleri baqgħet
hemm, mażżra ma’ riġlejn Robert Abela.
Barra minn hekk ġibdu l-attenzjoni wkoll dwar kif jista’ jkun li jkollok lill-Eks Ministru Korrott Konrad
Mizzi li minkejja d-dellijiet tqal fuqu u minkejja l-allegazzjonijiet ferm serji dwar kif mexxa l-operat
tiegħu kemm meta kien il-Ministru tal-Enerġija u anki meta kien il-Ministru tas-Saħħa, spiċċa fiċ-ċentru
ta’ deals mill-aktar korrotti, maħmuġa u li ma jixirqux lill-poplu Malti u Għawdxi. Id-deal tintenn mal-
Electrogas u mas-Socar. Id-deal tintenn mal-Vitals Global Healthcare u sussegwentement ma’ Steward
Healthcare. U min jaf kemm-il deal ieħor li għad jemerġu, bħalma feġġ il-kont sigriet fil-Panama Papers.
Iżda Konrad Mizzi baqa’ hemm, mażżra ma’ Robert Abela.
Lil hinn minn dawn il-ħames Membri Parlamentari madwar saqajn Robert Abela, is-sorsi ta’ Il-Mument
qalu wkoll li quddiem Robert Abela hemm numru ta’ sfidi oħrajn li jrid jindirizza fix-xhur mhux daqstant
viċin li ġejjin… fosthom kif se jwarrab kompletament lil Joseph Muscat u ma jħallihx ikompli jinfluwenza
aktar lid-delegati Laburisti forsi xi darba jkun ħieles li jmexxi mingħajr theddid, tbeżbiż, rikatti jew
obbligazzjonijiet!