Kuntratturi Maltin fl-industrija tal-kostruzzjoni tkellmu ma’ Il-Mument dwar kif jinsabu migdumin mijiet ta’ eluf ta’ ewro mill-kumpanija Torka ‘Taca’ li ħabta u sabta għalqet l-operat tagħha f’Malta u għebet minn pajjiżna.
“Filli konna qed naħdmu u dan minkejja ċerti diffikultajiet għaliex fl-aħħar xhur ‘Taca’ dejjem naqqset l-għadd tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, filli f’daqqa waħda għeb l-operat kollu tal-kumpanija u sibna ruħna ma għandniex ma’ min nitkellmu.
“Qed nitkellmu fuq għadd kbir ta’ kumpaniji Maltin u anki barranin li konna qed nagħtu s-servizzi tagħna lil ‘Taca’ li kienet il-kuntrattur prinċipali tal-proġett tal-Fortina f’Tas-Sliema. Fuq medda ta’ diversi xhur tajniha b’mijiet ta’ eluf f’xogħlijiet, f’servizzi u f’labour. Issa f’daqqa waħda f’Malta jidher li m’hawn ħadd li jista’ jwieġeb għal ‘Taca’. Kellna nirrikorru għall-Qrati, iżda s-sitwazzjoni tagħna hi waħda ta’ diffikultà.”
Hekk qalilna kuntrattur Malti li hu miġdum flejjes kbar minn ‘Taca’. “Gidmnuna bil-kbir mhux għax-xogħlijiet li diġà tajnihom, imma anki dwar ċerti ordnijiet li għamilna minn barra u li diġà huma mħallsa minna iżda aħna għadna rridu nitħallsu tagħhom. Fil-Qrati biss biss diġà daħlu mas-sbatax-il kumpanija li qed ifittxu lil ‘Taca’ mhux biss għad-danni,
imma anki biex jirkupraw flushom.”
Dan il-kuntrattur qalilna li hu jrid jagħti l-benefiċċju tad-dubju ta’ din is-sitwazzjoni għaliex il-pandemija ma għenitx. Iżda sa mis-sajf tas-sena l-oħra konna qed nisimgħu stejjer xejn sbieħ dwar ‘Taca’ u kif kienet qed tittratta mal-ħaddiema tagħha. Tajjeb li jkun iċċarat li darba ‘Taca’ ħadet il-kuntratt tal-Fortina, ġabet Malta għadd kbir ta’ ħaddiema Torok li jispeċjalizzaw fil-bini u f’xogħol ieħor tal-kostruzzjoni.
Diġà sa mis-sajf tas-sena l-oħra konna qed nisimgħu stejjer kif dawn it-Torok kienu qed jidħlu f’xogħlijiet kbar ta’ bini ta’ toroq u fly-overs… “Mela l-kumpanija ‘Taca’ kellha volum qawwi ta’ xogħol hawnhekk u ta’ dan kienet qed titħallas fuq livell kontinwu, iżda f’daqqa waħda s-sitwazzjoni interna tal-ħaddiema tagħha f’Malta splodiet hekk kif il-
ħaddiema Torok applikati fil-Fortina waqfu ħesrem għaliex ma kenux qed ingħataw is-salarji tagħhom.
“Minn hemm beda t-taħwid iżda b’xi mod l-affarijiet komplew mexjin u aħna, flimkien mal-kumpaniji l-oħrajn lokali u barranin, komplejna nagħtuhom is-servizzi u x-xogħol tagħna. Iżda issa l-operat waqaf ta’ ‘Taca’ waqaf għal kollox. Il-kumpanija dabbret rasha. U aħna bqajna b’ta’ fuqna senduqna b’eluf kbar ta’ flus x’niġbru.”
Minn stħarriġ li għamel Il-Mument fil-Qrati tagħna jirriżulta li fost dawk migduma hemm il-kumpanija Polidano Bros li qed tfittex lit-‘Taca’ għal aktar min nofs miljun ewro f’xogħlijiet u f’servizzi; il-Grupp DB; James Cateres u erbatax-il kumpanija oħra. Skont is-sorsi ta’ Il-Mument jirriżulta li ‘Taca’, li hi bażata f’Ankara fit-Turkija, m’għandha l-ebda kapital ta’ proprjeta fil-gżejjer Maltinu għalhekk it-tentattivi tagħhom li jaqbdu xi flejjes lura mill-kumpanija Turka huma rimoti ħafna.
“Minbarra dan ix-xenarju tat-tħassib fejn għadd ta’ kumpaniji ngidmu dawn il-flejjes kbar, hemm imbagħad il-kwistjoni ta’ kif xogħlijiet li daħlu għalihom it-Torok issa tħallew nofs leħja. Per eżempju x-xogħol fuq il-Fortina twaddab lura b’ħafna xhur u dan hu ta’ theddida għall-istess kumpanija li żgur tkun għamlet il-proġettazzjonijiet tagħha.“Aħna nappellaw lill-awtoritajiet konċernati biex jidħlu f’din il-kwistjoni taħraq u pajjiż ma’ pajjiż jipprovaw isolvu dan il-frodi li
jammonta għal miljuni ta’ ewro li għat-Torok forsi ma humiex ħafna jew huma meqjusa ħafna ħafna, iżda għalina l-Maltin, li aħna żgħar u kull ewro jgħodd, huma ħafna, ħafna, ħafna,” temm jgħidilna dan il-kuntrattur sors ta’ Il-Mument.