Lokali

Sena mill-mewt ta’ Oliver Friggieri

Nhar il-21 ta’ Novembru tas-sena l-oħra – id-dinja tal-Letteratura kienet f’luttu, wara l-mewt tal-Professur Oliver Friggieri fl-età ta’ 73 sena. Kittieb u Filosfu illi twieled fis-27 ta’ Marzu 1947, u kien mill-Floriana.

Friggieri jibqa’ magħruf bħala kittieb prolifiku u kritiku letterarju Malti magħruf madwar id-dinja u fl-1999 kien ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent għal xogħlijietu.

Il-kitba kienet parti intrinsika mill-ħajja tal-Professur Friggieri … u kien propju permezz ta’ ittra li hu beda l-istorja ta’ mħabba ma’ martu Eileen … kif kien spjega fl-aħħar intervista fuq it-televiżjoni, li kien għamel propju fuq NET Television.

Minn din l-istorja ta’ mħabba twieldet binthom Sara.

Matul is-snin, diversi kotba ta’ Oliver Friggieri nqalbu għal ħafna lingwi, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Maċedonu, is-Sloven, is-Serbo-Kroat, il-Grieg, ir-Rumen, l-Għarbi, il-Bengali, l-Urdu u r-Russu.

Fost il-kotba l-aktar magħrufa tal-Professur Friggieri hemm “Fil-Parlament ma jikbrux fjuri” u “It-tfal jiġu bil-vapuri”, li anke nħadem fis-serje popolari televiżiva li xxandret fuq NET Television.

Oliver Friggieri kien strumentali għat-twaqqif ippubblikat mill-gazzetti In-Nazzjon u Il-Mument. Kien kontributur tal-ġurnali mill-ewwel ħarġa tagħhom fl-1 ta’ Lulju tal-1970 u baqa’ jikkontribwixxi għal kważi 50 sena.

Apparti kittieb u poeta, Friggieri kien ukoll Għalliem tal-Malti u tal-Filosofija, kif ukoll Lettur fl-Università ta’ Malta. Hu laħaq Professur fl-1990. Wara mewtu l-lokalità tal-Floriana, permezz ta’ mozzjoni mill-Kunsilliera tal-PN fil-Kunsill Lokali fil-Floriana issemmiet l-ewwel triq f’Malta għal Oliver Friggieri. Għadd ta’ għaqdiet tal-Malti wkoll telgħu attivitajiet biex ifakkru lil Oliver Friggieri; ikona tal-lingwa u ġgant letterarju, li bl-umiltà tiegħu, anki wara mewtu għadu jirbaħ il-qlub.