Lokali

Sena wara: Oliver Friggieri dejjem ħadem kontra l-inġustizzji kollha

F’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ OLIVER FRIGGIERI 

Kitba ta” Victor Camilleri

Min kien midħla sew ta’ Oliver Friggieri jaf li hu kellu ideat ċari dwar il-politika ta’ pajjiżna iżda qatt ma ħalla preġudizzji politiċi jiddominawh jew jikkundizzjonawh fil-kitbiet jew taħdit tiegħu.

Il-ħbiberija tiegħI ma’ Oliver kienet tmur lura għal meta konna tfal, it-tnejn mill-Furjana u bejn wieħed u ieħor, koetanji wkoll. U allura l-konverżazzjoni bejnietna tista’ tgħid li ma naqset qatt, ħlief fil-perjodu ta’ meta kien daħal is-Seminarju ‘maġġuri’. Mill-bqija, f’kull stadju ta’ ħajtu tkellimna fuq is-suġġetti kollha immaġinabbli iżda l-konverżazzjoni kienet konċentrata l-aktar fuq il-politika u fuq dak li kien ikun qed iseħħ f’pajjiżna hekk kif id-destin ried li jien ninvolvi ruħi fil-qasam tal-ġurnaliżmu attiv fejn domt għal aktar minn 40 sena.

Olivier Friggieri kellu post speċjali għall-gazzetti tal-Istamperija Indipendenza u bl-aktar mod assolut nista’ nistqarr li qatt ma tlabnieh xi kontribut f’kitba u hu ma tax sehmu.

Anki fl-aktar mumenti ta’ dlam fuq pajjiżna… anzi f’dawk il-mumenti kien joħroġ il-karattru sod ta’ Oliver. U aktar importanti minn hekk, qatt ma niftakar li tani xi kitba biex nippubblikaha taħt xi nom de plume jew xi isem ieħor. Dejjem affronta s-sitwazzjonijiet b’wiċċu mikxuf u qatt ma qagħad lura bħal min jitfa’ l-ġebla u jaħbi idu.

Hemm ħemel ta’ eżempji li fihom Oliver Friggieri wera kemm kien bniedem ta’ prinċipju u mhux wieħed li joqgħod idur mal-lewża. Tkellem f’diversi okkażjonijiet meta f’Malta xejn ma kien faċli jew ‘jaqbillek’ li tipparteċipa f’attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni fis-snin sebgħin u tmenin.

Oliver Friggieri kiteb u tkellem bl-istil inimitabbli tiegħu kemm-il darba biex ifakkar lil Ġorġ Borg Olivier u jeloġjah fuq kollox għall-irġulija tiegħu.

U tant okkażjonijiet oħrajn li fihom “ħareġ għonqu” għaliex naf li għalih il-prinċipji u l-valuri tassew kienu jiġu l-ewwel u qabel kollox. Iżda barra dak li hu magħuf pubblikament hemm każijiet oħrajn li ftit, jew ħadd, ma jaf bihom. U hawn se nirrakkonta każ wieħed minn dawn.

Kien Settembru li l-PN kien ħejja l-programm tiegħu biex ifakkar l-anniversarju tal-Indipendenza. Dik li kellha tkun dimostrazzjoni fil-Belt Valletta spiċċat f’attakk infami fuq il-partitarji nazzjonalista minn laburisti magħrufin li magħhom ingħaqdu wkoll għadd ta’ pulizija li saħansitra bdew jitfgħu l-ġebel fid-direzzjoni tan-nazzjonalisti. Oliver Friggieri kien ħdejja fi Strada Rjali meta ġara dan kollu. Tant ‘ifferoċja’ meta ra d-dimostrazzjoni tisparpalja b’dan il-mod li ħeġġiġni biex nippubblika suppliment speċjali b’ritratti ta’ dak li seħħ.

Il-proposta ta’ Oliver intlaqgħet tajjeb u l-għada tal-inċidenti qatta’ jum sħiħ miegħi l-Istamperija, jien infassal is-suppliment u hu jikteb it-titli tal-paġni u l-captions għar-ritratti… suppliment li kien baqa’ jissemma għal tul ta’ snin l-aktar minħabba r-ritratt kbir fl-ewwel paġna ta’ pulizija jixħet il-ġebel lejn in-nazzjonalisti.

Minkejja dan li qed ngħid, Olivier Friggieri qatt ma kien priġunier tal-ideat politiċi tiegħu. Hu kien jikkritika fejn kien iħoss li hu meħtieġ anki taħt gvernijiet nazzjonalisti.

L-għatx għall-ġustizzja ma’ kulħadd kien jispirah fl-azzjoni tiegħu li dejjem kienet fid-direzzjoni ta’ politika onesta u fl-aqwa interess tas-servizz għall-poplu. Dejjem u kullimkien.

FIL-PARLAMENT MA JIKBRUX FJURI

Il-magnum opus ta’ ħajtu 

“Folla kbira minħabba ktieb”

Kien ċaqlaq nazzjon sħiħ

■ Magnum opus – l-aqwa xogħol, il-kapolavur ta’ kittieb jew xi artist ieħor partikulari. Dak li hu Fil-Parlament ma jikbrux fjuri fir-rigward ta’ Oliver Friggieri.

Dan ir-rumanz politiku probabbilment hu l-aktar ktieb bil-Malti li qatt inxtara u nqara f’pajjiżna u ngħata diversi sfumaturi skont min ikun qed jikkummenta dwaru. U biex wieħed jasal għall-konklużjonijiet tiegħu jrid jifhem l-ewwel u fuq kollox iż-żmien li fih tnissel u twieled dan ir-rumanz.

Fid-daħla tal-ktieb Oliver Friggieri jgħid li “kull xebh li hawn (fil-ktieb) mar-realtà, għalhekk, għandu jitqies bħala intenzjonat”. Dak iż-żmien li kien pubblikat fl-1986 kien propju meta kien riesaq lejn it-tmiem inevitabbli tiegħu r-reġim tal-Partit Soċjalista f’pajjiżna. Isiru kemm isiru interpretazzjonijiet ta’ x’kellu f’moħħu Oliver Friggieri, il-verità inkontrovertibbli hi li dak li hemm fir-rumanz hu rifless ċar fuq is-sitwazzjoni li konna qed ngħixu f’pajjiżna.

Irrid ngħid li kien privileġġ tiegħi li fiż-żmien li nkiteb dan ir-rumanz kont f’kuntatt prattikament kontinwu ma’ Oliver, kif jixhed dak li qalli f’ittra miktuba ħafna snin wara, li fiha jistqarr hekk: “Int tiftakru jitnissel, jitwieled u jitfarfar”. U allura naf sew x’wassal għall-kitba tar-rumanz iżda, bħala konferma, nirriproduċi dak li Oliver qal direttament lill-Perit Mintoff waqt laqgħa li kellu miegħu f’L-Għarix f’Delimara: “Int, Perit, kont li ġegħeltni nikteb Fil-Parlament ma jikbrux fjuri. Dak iż-żmien jien kont irrabjat ħafna minħabba fik”.

It-tnedija tal-ktieb saret fil-Lukanda Phoenicia fit-2 ta’ Ottubru, 1986. U għaliha attendew mijiet ta’ nies minn kull saff tas-soċjetà. Oliver kemm-il darba qalli li għalih kien ta’ sodisfazzjon doppju jara dik il-“folla kbira minħabba ktieb”, l-ewwel għaliex il-messaġġ li ried iwassal kien jidher li se jibda jasal għand in-nies, u t-tieni li sa fl-aħħar il-Maltin bdew jagħtu ġieħ u importanza lil-letteratura ta’ pajjiżhom.

Nistgħu ngħidu li r-rumanz kellu rispons eċċezzjonali. Dwaru tkellmu n-nies, inkitbu apprezzamenti u reċensjonijiet u saħansitra nħadem bħala drama fi tliet serati fl-Istitut Kattoliku f’Marzu 1987 taħt l-awspiċi taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u bid-direzzjoni tal-ħabib tiegħi Joe Saliba, li aktar tard kellu jkun is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Forsi ma kinitx kumbinazzjoni li waqt it-tnedija tal-ktieb, Dr Alfred Sant kien l-uniku wieħed li skont l-istess Oliver, “kien ħa pożizzjoni kritika ħafna”. Dan minkejja li t-tnejn kellhom rispett ġenwin għal xulxin.

Il-punt li tista’ tgħid Oliver baqa’ jsus fuqu tul ħajtu kollha kien li l-pożizzjoni tal-kittieb għandha tkun politika iżda mhux partiġjana, jiġifieri skont idea li ma tistax tkun ħielsa u emanċipata għalkollox. Il-fehma ta’ Oliver kienet li “il-letteratura u l-politika mhumiex aħwa u lanqas ħbieb… huma konoxxenti.”

Inqisni xortija tajba li kont daqshekk qrib ta’ dan il-kittieb u ħassieb straordinarju li hu wkoll l-awtur tal-aqwa ktieb Malti li qatt inkiteb.

Fil-Parlament ma jikbrux fjuri ma baqax biss isem ta’ ktieb iżda sar idjoma f’ħalq il-poplu.

“Int tiftakru jitnissel, jitwieled u jitfarfar”

Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tat-tieni edizzjoni ta’ Fil-Parlament  ma jikbrux fjuri’, fl-2005, Oliver Friggieri kien bagħatli din l-ittra qasira:

Għażiż Victor,

Nittama li tinsab tajjeb. Ftakart fik bħala ħabib antik u għażiż, biex nibgħatlek din l-edizzjoni ġdida – l-istess waħda, fiha nnifisha – ta’ ‘Fil-Parlament ma jikbrux fjuri’, li inti tiftakru jitnissel u jitwieled u jitfarfar madwar għoxrin sena ilu. Is-sena d-dieħla jkun ilu 20 sena li ġie pubblikat!

Ħsibt li nibgħatlek kopja ta’ din ir-ri-stampa, b’tifkira ta’ dawk iż-żminijiet li issa qiegħed niktibhom ukoll.

Inselli għalik ħafna. B’ħafna tifkiriet sbieħ!

Tiegħek dejjem,

Oliver

Sehem attiv u parteċipattiv

■ Oliver Friggieri kien bniedem ta’ azzjoni. Ma kienx minn dawk li joqgħod ifesfes fil-widnejn u mbagħad jaħrab jew jibqa’ gallarija. Kien ixammar u dak li jemmen fih ixandru lill-akbar udjenza possibbli, bil-mezzi kollha li seta’.

Eżempju klassiku hu tad-diskors memorabbli li kien għamel waqt iċ-ċerimonja tal-Premju ‘Il-Ħaddiem tas-Sena’ organizzat mis-Segretarjat Ħaddiema fit-30 ta’ April, 1981, żmien li fih f’pajjiżna kien hawn ripressjoni sħiħa u għafsa kbira fuq il-klassi tal-ħaddiema.

■ Niftakarni nitkellem ma’ Oliver Friggieri dwar dak id-diskors u kont involut fl-istampar u l-lay-out ta’ dan id-diskors. Biex wieħed jifhem kemm Olivier Friggieri kien ta kontribut f’dak iż-żmien iebes, biżżejjed jaqra l-punti ewlenin ta’ dan id-diskors kif jidhru fl-ewwel paġna tal-leaflet bid-diskors li konna ippubblikajna (ritratt hawn fuq).

■ Bħalma għamel ukoll meta l-Istamperija Indipendenza ippubblikat is-suppliment dwar l-attakk ta’ Laburisti u pulizija fuq in-nazzjonalisti fi Strada Rjali fil-festi tal-Indipendenza. Sehmu kien jagħtih mingħajr qatt ma ippretenda xejn jew xi ħlas.

Kien għoddu ikkontesta darbtejn mal-PN

■ Kieku ma kienx hu stess li fil-ktieb tiegħu Fjuri li ma jinxfux semma żewġ każi partikulari, kieku żgur ma kontx inkun jien li niżvela dak li miegħi kien iddiskuta diversi drabi.

Nistqarr li personalment, mhux darba jew tnejn kont nipprova nħajru jikkontesta l-elezzjoni mal-Partit Nazzjonalista. U rrid ngħid li miegħi qatt ma kien ikun definittiv, jiġifieri kont inħoss li fih kien hemm żewġ pressjonijiet jaħdmu kontra xulxin. U jien, ladarba qatt ma kien jgħidli ‘le’, kont anki nressaq ismu għall-attenzjoni ta’ diriġenti tal-Partit Nazzjonalista. Kont nikkunsidrah, potenzjalment, bħal kandidat eċċellenti.

Fil-ktieb tiegħu, Oliver Friggieri jistqarr li qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-1981 u tal-1987, l-istess Eddie Fenech Adami kien stiednu biex jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista. Hu stess jgħid li meta l-proposta twasslitlu direttament mingħand il-mexxej nazzjonalista nnifsu kien iħoss li kellu jaħsibha sew. Jgħid hekk:

“Xtaqt u ma xtaqtx. Xtaqt għaliex emmint u għadni nemmen li f’Malta, u mhux f’Malta biss, kollox jiddependi mill-politika, u l-politika hi mezz biex isir il-ġid lill-pajjiż. Imma wkoll ma xtaqtx għaliex qatt ma fhimt kif tista’ tidħol f’partit politiku biex tispiċċa tmaqdar lill-avversarju tiegħek anki meta ġo qalbek tħoss li għandi raġun.”

Meta kompla jikteb dwar dan is-suġġett Oliver Friggieri semma li għall-politiċi ewlenin fil-Partit Laburista “il-pożizzjoni tiegħi kienet aktarx dejjem nazzjonalista”. Fl-istess ħin hu kien jaħseb li kien hemm diversi politiċi importanti fil-Partit Nazzjonalista li kienu u jaħsbu li “il-pożizzjoni tiegħi kienet sikwit ambigwa”.

Fiż-żewġ każi, Olivier Friggieri jgħid li ma qagħadx fuq il-ġudizzju tiegħu biss iżda kien talab l-opinjoni ta’ ħbieb tiegħu li prinċipalment qalulu li hu ma kienx maqtugħ għall-politika u kien jagħmel l-analiżi politika tiegħu permezz ta’ kitba u xandir bir-radju.

Finalment, jgħid hekk: “Iddispjaċieni li kelli ngħid le”.