Futbol Sport

Senglea jirreżistu u jirbħu b’għaxar plejers.

Chris Cassar

SENGLEA A …………..…. 2
ST. ANDREW’S …………. 1

Senglea A: J. Pisani, M. Ablett, E. Tawiah, B. Schembri, A. Tenorio, O. Magro, C. Sammut, N. Grech, K. Vella, M. De Lucena, B. Antignolo.
St. Andrews: M. Montfort, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, N. Bradshaw, S. Martinez, J. Sixsmith, A. Nilsson, K. Sano, J. Farrugia, M. Bartolo, A. Borg Olivier.
Referee: Andrea Sciriha

Senglea kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun meta f’konfront dirett bejn it-tnejn tal-aħħar fil-klassifika għelbu lil St. Andrew’s 2-1 u dan minkejja li lagħbu t-tieni taqsima kollha b’għaxar plejers. Il-logħba kellha żewġ uċuħ bit-tim ta’ Senglea jiskorja darbtejn fl-ewwel għaxar minuti, u bit-tim tas-Saints jiddomina t-tieni taqsima wara li Senglea kellhom lil Ablett imkeċċi kmieni fit-tieni taqsima.

Wara appena żewġ minuti Senglea fetħu l-iskor b’gowl mill-iktar spettakolari skorjat minn Tenorio li b’xutt minn distanza notevoli għeleb lil Montfort. Ftit wara l-istess Tenorio falla ċans tad-deheb waħdu quddiem Montfrot, iżda t-tieni gowl ma kienx ‘l bogħod għaliex fl-10 minuta azjoni ta’ Tenorio fuq ix-xellug u pass lejn De Lucena li b’xutt fil-baxx ma żbaljax.

St. Andrew’s ippruvaw iwettqu reazzjoni u kellhom l-inizjattiva għal ħinijiet twal iżda ftit li xejn kienu perikolużi. Fl-aħħar ħinijiet tal-ewwel taqsima kienu Senglea li resqu qrib b’daqqa ta’ ras ta’ Tenorio taħbat mal-lasta.

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Senglea spiċċaw b’għaxar plejers meta Matthias Ablett waqqa’ lil Nilsson li kellu ċans ovvju ta’ skor. Fit-52 minuta St Andrew’s approfittaw meta minn kross ta’ Sano kien Martinez li skorja b’xutt sabiħ.

Minn hawn ‘l quddiem St. Andrew’s assedjaw il-lasta avversarja b’diversi ċansijiet ta’ skor iżda nuqqas ta’ preċiżjoni taħt il-lasta u barvuri tal-goalkeeper Pisani taw ir-rebħa lit-tim ta’ Dennis Fenech.