Lokali

Żewġ anzjani maqbudin f’karozza wara li nqalbet f’sit ta’ kostruzzjoni

Membri tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu għaddejjin b’ħidma biex itellgħu karozza b’żewġ anzjani fiha li tinsab imdendla f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Qawra, il-Qawra wara li din kienet involuta f’inċident u nqalbet għal isfel.

Bħalissa l-karozza qed tinżamm bil-ħbula minn numru ta’ persuni f’attentat biex ma tibqax nieżla għal isfel u jissograw il-ħajja ta’ dawk li hemm maqbudin fiha.

Jidher li s-sewwieq, anzjan ta’ 74 sena kien qed isuq Toyota Aygo meta għal xi raġuni tilef il-kontrol tal-vettura u waqgħet fis-sit ta’ kostruzzjoni. Flimkien miegħu kien hemm anzjana oħra ta’ 72 sena, it-tnejn residenti l-Belt Valletta.

Fuq il-post waslet ambulanza biex tassisti lil dawk involuti. Huma ttieħdu l-Isptar biex jingħataw l-assistenza għax-xokk li esperjenzaw. Fortunatament, dawn ma sofrew l-ebda ġrieħi.