Sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ tal-Belt Valletta, li qal lill-president tal-NGO Repubblika biex “jibża’ meta jkun waħdu fil-Belt Valletta” fuq Facebook, ġie mmultat €3,000 mill-Maġistrat Astrid May Grima. Is-sid tal-ħanut ġie mmultat talli hedded lill-Avukat Robert Aquilina permezz ta’ profil falz fuq Facebook.
L-akkużat, fuq profil falz bl-isem ta’ Mario Borg kiteb hekk: “Jaqaw madekx taqla biżżejjed biex qijat tamel gustizzja int qabel il qorti.. Kollox qijat tivvinta biex jergaw jitilaw il-pn…Ahna kwieti ima sakem itelawomna ta Ghax sissa kollox taht il-pn sar ta u lewwel wiehed int. U Jien ga dejaqtni il belt u ha najdlek ibda ibza wahdek il belt.
Aquilina qal lill-Qorti li posts simili kienu wassluh biex ikollu bżonn il-protezzjoni tal-pulizija. Dwar l-inċident li seħħ fit-23 ta’ Marzu xehed l-ispettur tal-pulizija Michael Vella, li investiga l-każ. Aquilina kien ippubblika post fuq Facebook, u l-akkużat kien ikkummenta taħtha, qal l-ispettur.
Wara li investigaw, is-Cybercrime Unit tal-pulizija infurmaw lill-ispettur li l-post kien intbagħt minn mobile bin-numru tar-raġel. Sussegwentement huwa ġie msejjaħ l-għassa u interrogat, fejn mill-ewwel kien ammetta li kiteb il-post u kkonferma li n-numru tal-mowbajl kien tiegħu.
Waqt l-interrogazzjoni, huwa kien ammetta wkoll u ffirma stqarrija fejn ammetta li ħoloq il-profil falz. L-akkużat kien sostna li għamel dan fis-sħana tal-mument minħabba li l-protesti f’Novembru kienu qed jaffettwaw in-negozju tiegħu. Qal li ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel ħsara lil Aquilina.
L-ispettur esebixxa wkoll sentenza datata l-21 ta’ Ġunju 2014 fejn l-akkużat kien ġie mmultat €250 għal dak li l-avukat tiegħu ddeskriva bħala “reat tat-traffiku”. Fil-tribuna tax-xhieda ġie msejjaħ ukoll Robert Aquilina. Huwa kien ippreżenta rapport fit-23 ta’ Marzu 2021 dwar il-post.
Huwa qara l-post u esebixxa kopja. L-Avukat David Gatt f’isem l-akkużat, staqsa jekk Aquilina qattx iltaqa’ mal-akkużat jew rahx fil-pubbliku. Huwa wieġeb fin-negattiv. Gatt sostna li l-aħħar parti tar-rapport kienet suġġetta għal interpretazzjoni u l-kumplament tal-post kien kumment politiku.
Aquilina insista li kienet “theddida ċara.” Xehed ukoll uffiċjal mit-taqsima tas-cybercrime tal-pulizija, li qal li kien mitlub jinvestiga profil ta’ Facebook. L-investigazzjonijiet inizjali żvelaw li l-profil huwa falz. Il-pulizija kienet ressqet talba urġenti għal aktar informazzjoni lil Facebook, li pprovdiet lista ta’ indirizzi IP użati biex jaċċessaw il-kont falz.
L-indirizz tal-IP kien wieħed tal-Melita, u Facebook kien ipprovda lill-pulizija n-numru tal-mobile użat biex jawtentika l-kont. Wara diversi talbiet mill-pulizija, Melita kienet qalet lill-pulizija li ma kellha l-ebda informazzjoni relatata ma’ dawk l-indirizzi. L-uffiċjal esebixxa r-rapport tiegħu dwar il-post u l-profil falz.
L-Avukat Gatt irrimarka li ħafna posts ta’ “Mario Borg” kienu mniżżla fir-rapport. Hemm ħafna Mario Borg, sostna l-avukat, li staqsa jekk il-kummenti fir-rapport kinux kollha tal-istess persuna. Il-Qorti ċċarat il-mistoqsija fejn staqsiet jekk l-indirizz IP kienx tal-akkużat.
Qal li Melita ma qaltilhomx dan peress li kienu IPs dinamiċi, iżda n-numru tal-mobile tal-kont falz ipprovdut lil Facebook kien tal-akkużat. L-akkużat xehed, waqt li wieġeb mistoqsija tal-avukat tiegħu, li ma kellu “xejn kontra Aquilina.”
“Ovvjament, ktibtha fil-kuntest sħiħ. Ktibt xi ħaġa żgħira li hu nterpreta bħala theddida.” Gatt staqsieh dwar il-ħanut tiegħu. “Kien hemm ħafna protesti, u għandna familji; kulħadd kien irrabjat u jitkellem dwar dan l-individwu. Ilkoll rajnihom isawtu lill-pulizija…” huwa qal.
L-Avukat Gatt issuġġerixxa li l-post kien dwar il-protesti. Kien, tenna l-akkużat. Ikkonferma wkoll li l-post kienet tiegħu u skuża ruħu. “Qatt mhu se ngħolli idi fuq din il-persuna, ma tarax.” L-avukat tiegħu staqsieh x’ried ifisser bi “biża’’ fil-Belt Valletta.”
“Smajt ħafna nies jitkellmu kontrih fil-Belt Valletta. Kienet twissija.” L-Avukat Comodini Cachia għall-vittma sostniet li x-xhieda tar-raġel kienet inkwetanti. Il-post ‘spontanju’ tiegħu kien dwar protesta li seħħet xhur qabel; irrimarkat. “Meta llum saħaq li kulħadd hemm qed jitkellem kontra Aquilina, ma jurix passjoni għal għarrieda iżda mibegħda li kienet qed tinbena maż-żmien.
“Dan kien ċar ukoll mill-ħolqien ta ‘profil falz. Twissija ta’ ħbiberija ma tingħatax minn profil falz b’dan il-kliem,” hija qalet. L-intenzjoni ma kinitx ta’ ħbiberija imma li tikkawża biża’, u dan kien ċar mill-kliem użat, sostniet l-avukat. Comodini Cachia talbet lill-qorti biex tipprovdi għas-sigurtà tal-President ta’ Repubblika.
L-Avukat Gatt sostna li d-dritt demokratiku ta’ protesta kien akkumpanjat ukoll minn dritt tax-xogħol. L-akkużat ma kellux xogħol għal tlett ijiem waqt il-protesti tar-Repubblika, huwa qal. L-akkużat kien sema’ sidien oħra tal-ħwienet jilmentaw dwar Aquilina, issuġġerixxa l-avukat, u argumenta li l-post kien jikkonsisti f’“kumment politiku ġust”.
“Huwa esprima d-dwejjaq tiegħu, Alla ħares li huwa reat li wieħed jesprimi s-sentimenti tiegħu,” sostna Gatt, filwaqt li żied li l-kundanna preċedenti tal-akkużat kienet għal reat tat-traffiku. F’każ separat f’Ottubru li għadda, raġel ieħor kien ingħata l-liberta kundizzjonata u mmultat fuq theddid onlajn dirett lejn Aquilina u ħuh, id-Deputat tal-PN Karol Aquilina.
Il-Qorti, wara li semgħet il-provi, sabitu ħati ta’ l-akkużi kollha barra dik ta reċediva. L-akkużat ġie mmultat €3,000. Il-Maġistrat Grima ħarġet ordni biex ma jersaqx lil Aquilina kontra multa ta’ €2,000 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-vittma. L-Avukat Gatt qal li l-klijent tiegħu se jappella mis-sentenza. L-Avukat David Gatt kien l-avukat difensur tal-akkużat. Għal Aquilina dehret l-Avukat Therese Comodini Cachia. L-Ispettur Michael Vella mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>