Lokali

“Bżonn ta’ riforma mill-aktar fis” – Times of Malta

Il-Ministru Byron Camilleri għadu jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika għat-tmexxija ta’ Alex Dalli fil-Ħabs ta’ Kordin – il-Faċilità li għandha bżonn riforma minnufih.

Hekk qal il-ġurnal Times of Malta fl-Editorjal tat-Tnejn, fejn appella lill-Gvern biex japprofitta mill-fatt li Dalli ssospenda lilu nnifsu u jfittex jibda r-riforma, partikolarment issa… wara l-pariri li qed jagħtuh diversi NGOs.

Fost l-oħrajn, dawn qed jappellaw lill-Aġent Direttur Robert Brincau biex jiftaħ l-aċċess tal-Faċilità għall-media u għall-għaqdiet relatati, bl-għan li dawn jifhmu aħjar l-istampa reali tal-mod kif kien imexxi Alex Dalli.

Barra minhekk, b’dan il-mod, il-Gvern innifsu jkun jista’ jneħħi l-istampa kerha li l-poplu għandu dwar il-Ħabs minħabba r-reġim ta’ Dalli, li tant kien b’saħħtu li lanqas biss indenja ħadd jieħu passi fil-konfront tiegħu.

Il-ġurnal staqsa x’inhu l-punt li jkollok faċilità korrettiva li titterrorizza lill-priġunier u tnaqqaslu l-umanità tiegħu meta suppost li din tirriabilita lill-persuna lura fis-soċjetà.

Fl-Editorjal, kien innutat ukoll kif il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jikkritikax – anzi jipproteġi – lil Alex Dalli, minkejja li bħala Direttur, għamel il-Ħabs daqs xi fortizza personali. Bil-Prim Ministru stess jibqa’ jiddefendih.

F’dan il-kuntest, il-ġurnal enfasizza l-fatt li, minkejja d-diversi appelli li sarulu, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri baqa’ ma jridx imqar jikkritika lil Dalli, aħseb u ara kemm lest jieħu azzjoni fil-konfront tiegħu.