L-Awstrija rritornat taħt lockdown nazzjonali sħiħ waqt li l-protesti kontra r-restrizzjonijiet ġodda dovuti għall-Covid-19 infirxu madwar il-pajjiż kif ukoll madwar pajjiżi oħra tal-Ewropa. Intant, l-Awstrijaċi, fil-preżent, qed ikunu ristretti li jaħdmu mid-dar, waqt li numru kbir ta’ ħwienet li mhumiex meqjusa bħala essenzjali huma projbiti milli jiftħu. Din hi anki r-raba’ lockdown għall-Awstrija mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn.
Ir-rabja fost l-Awstrijaċi li jopponu r-restrizzjonijiet qed tkun riflessa tul il-kontinent, fejn seħħew numru ta’ konfronti bejn dimostranti u l-pulizija f’pajjiżi bħall-Olanda u l-Belġju.
Dan waqt li l-infezzjonijiet bil-varjant tal-Covid qed jiżdiedu madwar l-Ewropa, bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) twissi li kapaċi jmutu l-mijiet ta’ eluf f’każ li l-awtoritajiet u n-nies jonqsu milli josservaw il-miżuri tas-sigurtà.
L-Awstrija hi wkoll l-ewwel pajjiż Ewropew li insista biex it-tilqima kontra l-Covid tibda torbot legalment għaċ-ċittadini kollha – bil-liġi ssir effettiva fi Frar.
Intant, il-politiċi fil-Ġermanja – ġar tal-Awstrija – qed jiddibattu miżuri ta’ sigurtà simili, meta t-taqsimiet għall-kura intensiva tal-isptarijiet lokali qed jilgħqu numri allarmanti ta’ pazjenti; bl-ibliet Ġermaniżi jirrappurtaw rekord ġdid ta’ infezzjonijiet.
Ir-residenti fl-Awstrija, issa, ma jistgħux joħorġu minn djarhom ħlief għal raġunijiet ‘għal kollox essenzjali’ – bir-ristoranti, il-bars, il-ħwienet tax-xagħar u t-teatri jinsabu kollha magħluqin
Il-miżuri għandhom ikomplu sat-12 ta’ Diċembru, waqt li anki mistenni li l-uffiċjali jevalwaw mill-ġdid is-sitwazzjoni fil-bidu tax-xahar id-dieħel.
Il-Ministru tas-Saħħa Awstrijak, Wolfgang Mueckstein, qal ukoll li l-Gvern tiegħu ‘bilfors irid jirreaġġixxi għas-sitwazzjoni’ fejn spjega li l-lockdown hu l-uniku mezz li kapaċi jnaqqas l-infezzjonijiet lokali bil-Covid.
//= $special ?>