Lokali

Iċċelebrati l-kisbiet biex ikun żgurat li t-tfal ikunu protetti u tkompli l-ħidma għal aktar titjib

Fl-20 ta’ Novembru, ġie ċċelebrat Il-Jum Dinji tat-Tfal, jum iddedikat lit-tfal kollha. F’ dan il-jum, iċċelebrajna bosta kisbiet li saru biex ikun żgurat lit-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom. Madankollu, għandna nkomplu bil-ħidma tagħna li naqbżu għal dawk it-tfal li d-drittijiet tagħhom mhumiex qed ikunu ggarantiti.

Hija r-responsabiltà tal-Gvern, l-għaqdiet non-governattivi, għaqdiet u ta’ dawk kollha li jaħdmu ma’ u għat-tfal, inklużi ġenturi/dawk li jieħdu ħsieb it-tfal, edukaturi u dawk kollha li għandhom impatt fuq ħajjet it-tfal, li jiżguraw li t-tfal kollha għandhom aċċess għad-drittijiet tagħhom.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għal darb’oħra ħeġġeġ u sostna l-Iskejjel biex jiċċelebraw Il-Jum Dinji tat-Tfal. Madwar 70 skola f’ Malta u Għawdex tellgħu bosta attivitajiet differenti li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ser ikun qed iqassam riżorsi differenti lit-tfal kollha fit-Tieni sena tal-Kindergarten, dawk tal-Ħames u s-Sitt sena tal-iskola primarja biex jitfakkar dan il-jum. Fost dawn ir-riżorsi hemm ktieb ta’ ġrajja dwar il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali fuq it-tfal, logħba li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal u verżjoni adatta għat-tfal tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

L-Ufiċċju ser ikun ukoll qed iqassam fuljett lill-istudenti kollha tas-tmien sena biex jippromwovi saħħa mentali tajba. Sett ta’ kotba tal-qari ser ikunu mogħtija lill-libreriji tal-Middle Schools biex jippromwovu d-drittijiet ta’ u l-litteriżmu fost it-tfal.

Il-ġimgħa li għaddiet l-Uffiċċju nieda sit eletroniku ġdid biex ifakkar dan il-jum. Is-sit il-ġdid www.tfal.org.mt jiġbed iktar l-għajn u huwa iżjed faċli biex wieħed jinnavigah.

Fil-jiem li ġejjin l-Uffiċċju se jkun qed iniedi s-sejbiet ewlenin mir-riċerka dwar Bliet u Irħula Adatti għat-Tfal li twettaq miċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Soċjo-Emozzjonali, f’ isem l-Uffiċċju, bl-għajnuna finanzjarja tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.