Lokali

Il-gvern jeħtieġ jgħin lir-raħħala minħabba ż-żieda fil-prezz tal-ġwież – PN

Ir-raħħala tagħna li qed irabbu l-baqar tal-ħalib u taċ-ċanga, dawk li jrabbu l-majjal u dawk li jrabbu t-tiġieġ qed ibatu b’żieda tal-prezz tal-ġwież. 

Hekk sostna l-Kelliem għall-Agrikoltura Edwin Vassallo fejn spjega li l-prezz tal-ġwież spiċċa jiżdied kull ftit ġimgħat u ma din iż-żieda fil-prezz tal-ġwież u l-magħlef qed ikun hemm ukoll żieda fi spejjeż oħra kemm ta’ prodotti u kemm ta’ servizzi li jinxtraw mill-istess raħħala.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jitlob lill-Gvern sabiex isib mod kif jgħin lil dawn ir-raħħala tagħna, Maltin u Għawdxin biex ikunu jistgħu jgħelbu din il-kriżi. Il-PN jagħraf li dawn iż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież huma każ straordinarju f’ċirkustanzi fejn is-suq mhux jaħdem ukoll f’ċirkustanzi straordinarji.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern isib mod kif jgħin lir-raħħala tagħha għaliex il-gvern għandu jħossu impenjat li jsalva lir-raħħala tagħna u għalhekk isalva wkoll il-provista tal-ikel frisk Malti u Għawdxi.

Il-PN ma jridx jara raħħala li jaqtgħu qalbhom jibqgħu fil-mistier tagħhom tat-trobbija tal-baqar, tal-majjal ,tan-nagħaġ, tat-tiġieġ u tal-fniek. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna ma jaffordjax  jitlef il-provista tal-ikel frisk tiegħu f’  dan il-qasam.

Għalhekk qed nitolbu lill-Gvern joffri għajnuna f’waqtha għal dan is-settur. L-ebda pajjiż fl-Ewropa ma għandu l-biża’ daqs pajjiżna li jekk ma jgħinx jista’ jitlef l-aħħar ftit raħħala li baqa’. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-gvern li bħal ma kien innovattiv biex isib il-flus biex jgħin inizjattivi li għalih kienu importanti li jgħin, hekk ukoll isib il-mod ġust li hu meħtieġ bla telf ta’ żmien li jgħin lir-raħħala tagħna sabiex dawn jibqgħu fil-mistier tagħhom u jibqgħu jipprovdu l-ikel frisk għall-poplu tagħna u dawk li jiġu jżuru lil pajjiżna.