Lokali Parlament

L-Ispeaker: Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji għandu jiddiskuti r-rapporti ‘MoneyVal’ u FATF

  • F’Ruling l-Ispeaker Anġlu Farrugia laqa’ t-talba tal-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar

F’Ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, dwar talba mqajma mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li hu wkoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, dwar l-Aġenda tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji qal li: “s-Sedja hi tal-fehma li fir-rigward tad-diskussjoni dwar ir-rapport dwar l-evalwazzjoni fuq Malta maħruġ mill-MoneyVal, għandu jiġi rispettat il-ftehim milħuq fil-laqgħa tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tas-26 ta’ Frar 2020”, ċioè li dan ir-rapport ikun diskuss f’dan il-Kumitat.

Dan ir-Ruling ingħata wara li l-ġimgħa l-oħra l-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar talab deċiżjoni mingħand is-Sedja għar-rigward tar-rapporti ‘MoneyVal’ u ‘FATF’ fejn id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef, li hu wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, għal raġunijiet li jaf hu biss qed jibqa’ ma jġbix għad-diskussjoni quddiem dan il-Kumita.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar talab ukoll lis-Sedja biex tagħti r-Ruling tagħha invista tal-fatt li hu, f’isem l-Oppożizzjoni, kien kiteb lis-Sedja biex l-issue tar-rapport tal-FATF titla’ fuq l-Aġenda ta’ dan l-istess Kumitat, għax taqa’ taħt il-mansjoni tal-istess kumitat.

Iżda sa issa ċ-Chairperson Jean Claude Micallef baqa’ ma tax kas la ta’ dik il-korrespondenza u lanqas ir-ruling tal-Ispeaker.

Robert Cutajar enfasizza li “f’sena u nofs iċ-Chairman Jean Claude Micallef ma żammx il-kelma li ta b’approvazzjoni tal-membri kollha, u allura l-Aġenda, kif jgħid ir-ruling tiegħek hawnhekk kienet maqbula dakinhar, fi Frar 2020, li kellha tiġi diskussa talba tal-Oppożizzjoni dwar ir-rapport tal-evalwazzjoni fuq Malta maħruġ mill-Moneyval. Dakinhar kien hemm qbil.

“Sal-lum, sena u nofs wara, Jean Claude Micallef baqa’ jinsulenta l-intelliġenza tan-nies, jisfida Ruling tiegħek, u dan l-item baqa’ ma telax. Illum tlabnieh biex għal-laqgħa li jmiss itella’ dan l-item. Baqa’ jgħidilna li mhux f’pożizzjoni li jaċċertana. Għalhekk qed nitlob ruling biex lil dan il-Kumitat ma tibqax tiġi manipulata l-Aġenda, u allura ma jkunx hemm tfixkil fl-Aġenda, fl-interess nazzjonali għandha tiġi diskussa.”

Fid-dawl ta’ din it-talba, l-Ispeaker qal li s-Sedja tifhem li t-talba imqajma mill-Membri tal-Oppożizzjoni tikkonċerna fl-ewwel lok il-ftehim li kien intlaħaq fil-laqgħa tal-imsemmi Kumitat fis-26 ta’ Frar 2020, fejn ġew elenkati s-suġġetti li kien hemm ftehim li jiġi diskuss fil-laqgħat sussegwenti u nikkwota mill-Minuti approvati tal-istess laqgħa:

“Fost diversi suġġetti li ġew issuġġeriti kien hemm qbil sabiex l-ewwel tliet laqgħat tal-Kumitat ikunu dawn: − Rendikont tal-operat tal-Mekkaniżmu u tal-Faċilità għall-Istabilità Finanzjarja Ewropea…; − Diskussjoni dwar l-istrateġija u l-miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex Malta jkollha rappreżentanza aktar b’saħħitha f’direttorati ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari dak tal-Budget; u − Diskussjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni fuq Malta maħruġ mill-Moneyval”.

L-Ispeker fisser li “s-Sedja nnotat ukoll li fid-disgħa laqgħat tal-Kumitat li nżammu minn dakinhar, is-suġġett li dwaru ntlaħaq qbil biex jiġi trattat, ċjoè ‘Diskussjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni fuq Malta maħruġ mill-Moneyval’ għadu sal-lum ma tpoġġiex fuq l-Aġenda tal-Kumitat.

“Fit-tieni lok, is-Sedja tifhem ukoll li l-Oppożizzjoni qiegħda titlob li l-istess Kumitat jiddiskuti r-rapport dwar Malta mill-Financial Action Task Force (FATF) dwar il-greylisting ta’ Malta, liema materja diġà kienet trattata f’Ruling tas-Sedja mogħti fis-Seduta 488 tat-13 ta’ Lulju 2021.

L-Ispeaker kompla li s-Sedja, għalkemm kien ikun aktar aħjar li ċ-Chairperson ikkonsulta mal-Membri biex jasal għal din id-deċiżjoni, qed teħodha illi d-deċiżjoni li ta ċ-Chairperson tal-Kumitat kienet waħda bbażata fuq raġuni li fiċ-ċirkostanzi huwa ħass li għalissa m’għandux jinkludiha fl-Aġenda, anke jekk dan forsi ma kkonsultax mal-Membri kollha. Però kif diġà ġie deċiż, anke mill-proċedura tal-House of Commons, is-Sedja ma tistax tindaħal liċ-Chairperson għad-deċiżjoni li wasal għaliha l-Onor. Jean Claude Micallef meta huwa kiteb lill-istess Onor. Robert Cutajar fl-ittra li ntbagħtet fit-8 ta’ Lulju 2021.

Għaldaqstant it-talba tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar dwar x’inhuma l-obbligi tal-istess Kumitat, l-obbligi huma ċari u joħorġu mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u mill-proċedura stabbilita, jiġifieri li s-Sedja ma tistax tindaħal liċ-Chairperson dwar it-tfassil tal-Aġenda sakemm waqt il-Kumitat ma jkunx hemm talba mill-istess Kumitat lis-Sedja biex imbagħad is-Sedja tagħti direzzjoni, li fiċ-ċirkostanzi dan mhuwiex il-każ.”

Fl-istess ruling is-Sedja tenniet il-pożizzjoni espressa wkoll mis-Sedja diversament preseduta li hija tal-fehma li l-Aġenda fit-totalità tagħha u għar-rigward ta’ kull item tagħha, tibqa’ materja ta’ kompetenza tal-Kumitat kollu, dejjem sakemm il-materja tkun taqa’ fil-mansjoni tal-istess Kumitat, u kkonludiet billi qalet li finalment għandu jkun il-Kumitat li jiddeċiedi x’jiġi diskuss.

Hawnhekk is-Sedja tikkwota mir-Ruling tal-Ispeaker Michael Frendo mogħti fisSeduta 260 tal-11 ta’ Ottubru 2010 li ġie ċitat diversi drabi f’rulings sussegwenti fosthom firruling li ngħata minni fis-Seduta 488 tat-13 ta’ Lulju 2021:

“It-tielet materja li s-Sedja trid tiddeċiedi tittratta dwar jekk l-Aġenda jew xi item fuqha jistgħux jiġu kkontestati mill-membri tal-Kumitat. L-Ordnijiet Permanenti ma jindikaw xejn speċifiku dwar dan il-punt għar-rigward tal-Kumitati tal-Kamra. Minkejja li tinħareġ mill-President tal-Kumitat wara li jkun fassalha waħdu jew in konsultazzjoni mal-membri tal-Kumitat, is-Sedja hija tal-fehma li l-Aġenda fit-totalità tagħha u għar-rigward ta’ kull item tagħha, tibqa’ materja ta’ kompetenza tal-Kumitat kollu. Allura jsegwi li xejn ma jwaqqaf lil xi membru li jikkontestaha jew li jikkonstesta xi item minnhom jew jikkontesta li jitqiegħed xi item partikolari fuq l-Aġenda li jkun qed jiġi propost, jew anki jipproponi li item jitqiegħed fuq l-Aġenda, u li wkoll jitlob vot fuq dan.

Wieħed irid iżda jenfasizza li din hija materja delikata għaliex għar-rigward ta’ dak li jiddiskuti l-Kumitat, f’sistema parlamentari, anki l-pożizzjoni tal-minoranza għandu jingħatalha l-valur tagħha.”

L-Ispeaker qal li għaldaqstant is-Sedja hija tal-fehma li fir-rigward tad-diskussjoni dwar ir-rapport dwar l-evalwazzjoni fuq Malta maħruġ mill-MoneyVal, għandu jiġi rispettat il-ftehim milħuq fil-laqgħa tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tas-26 ta’ Frar 2020.

Fir-rigward tad-diskussjoni dwar ir-rapport tal-FATF is-Sedja qiegħda, għal darb’ oħra, ittenni li l-Aġenda tal-Kumitat, allura inkluż it-talba mill-Oppożizzjoni għad-diskussjoni dwar dan ir-rapport tal-FATF, għandha effettivament tibqa’ kompetenza tal-Kumitat kollu.

Dan ifisser li Membru għandu d-dritt li jipproponi li materja li tkun taqa’ fil-mansjoni tal-Kumitat titqiegħed fuq l-Aġenda u għandu d-dritt ukoll li jitlob vot fuq tali talba.