Lokali Qorti

Konrad Mizzi u l-familja Caruana Galizia qed jesploraw soluzzjoni barra l-qorti f’każ ta’ libell

L-avukati ta’ Konrad Mizzi u l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia talbu aktar żmien lill-qorti biex tintlaħaq soluzzjoni barra l-qorti fil-kawża ta’ libell ta’ Mizzi fil-konfront tagħha. Konrad Mizzi kien fittex lil Daphne Caruana Galizia għal libell fuq artiklu li kienet ippubblikat fuq il-blog tagħha f’Novembru 2014, fejn allegat li dak Mizzi, ministru tal-kabinett dak iż-żmien, kien qed ikollu relazzjoni barra ż-żwieġ mal-assistent tal-komunikazzjoni tiegħu Lindsey Gambin.

L-artiklu kien jgħid li din kienet ir-raġuni li għaliha “martu telqet lejn iċ-Ċina”. Fl-aħħar seduta, aktar kmieni dan ix-xahar, l-avukati ta’ Mizzi kienu rrinunzjaw għall-qagħda tagħhom. Il-Qorti semgħet ukoll lis-Supretendent tal-Pulizija Keith Arnaud jixhed li r-raġel akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia kellu n-numri tat-telefon ta’ Mizzi u Gambin salvati fil-kuntatti tal-mobile tiegħu.

Meta ssejjaħ il-każ, il-konsulent legali l-ġdid ta’ Mizzi, l-avukat Edward Gatt talab lill-maġistrat Victor Axiaq għal ftit ħin ieħor biex jesplora l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim barra l-qorti. Il-qorti laqgħet it-talba. Il-każ ikompli f’Jannar. Għall-familja Caruana Galizia dehru l-avukat Peter Caruana Galizia u Eve Borg Costanzi.