Lokali Qorti

Kumpens ta’ €175,000 lil sidien ta’ spiżerija f’Tas-Sliema

Kumpens ta’ €175,000 lil sidien ta’ binja f’Tas-Sliema li ilha tinkera bħala spiżerija għal 73 sena. Dan il-kumpens ingħata mill-Qorti Kostituzzjonali, wara li din sabet li ma tħallewx igawdu l-proprjetà privata tagħhom. F’kawża li dixxendenti ta’ Maria Stilon de Piro ippreżentaw kontra Martin Micallef, li qed imexxi l-ispiżerija Victor’s Pharmacy, kien sar argument li l-kirja mħallsa minn Micallef hija wisq baxxa skond il-valur tas-suq. Huwa kien ukoll qed jirrifjuta li jħallas kera ogħla.

Periti mqabbda mis-sitt membri ta’ din il-familja u mill-Qorti qalu li l-valur fis-suq ta’ din il-proprjetà fi Triq it-Torri fil-preżent huwa ta’ bejn €740,000 u €876,000, waqt li l-kirja ta’ proprjetajiet simili f’dawn l-inħawi hija ta’ bejn €3,900 u €4,500 fix-xahar.

Micallef qal li huwa dejjem ħallas iż-żidiet fil-kera skont il-liġi, u li llum iħallas €433 fis-sena. Qal ukoll li tul is-snin huwa għamel xogħol ta’ manutenzjoni fil-binja u ħa ħsiebha għax din hi l-uniku sors ta’ għajxien tiegħu u tal-impjegati tiegħu. Tenna li mill-operat tal-ispiżerija ma jiġġenerax flus daqs il-kera li qegħdin jippretendu s-sidien.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, tqis li l-liġi li wasslet biex is-sidien jibqgħu taħt kontrolli leġislattivi, kemm fir-rigward tad-dħul li jmisshom bħala sidien, kif ukoll tal-iżgumbrament tal-kerrej, jammontaw għall-ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà privata tagħhom u t-tgawdija tal-fond.

Il-Qorti nnutat li l-Istat Malti, minkejja li ħa ħsieb jilleġiżla rigward il-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi fil-pajjiż, naqas milli bl-istess mod jaħseb biex jissalvagwardja l-jeddijiet tas-sidien tal-proprjetà, kif ukoll biex joħloq mekkaniżmu li permezz tiegħu s-sidien ta’ proprjetajiet bħal dawn jistgħu jinħallu mill-irbit li jikkontrollahom fl-użu u fid-dħul li jistgħu jirċievu mill-proprjetà tagħhom.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li mhix il-forum kompetenti biex tordna l-iżgumbrament ta’ Micallef, iżda fl-istess waqt saħqet li dan m’għandux jibqa’ juża l-protezzjoni tal-liġi biex jibqa’ jokkupa din il-propjetà. Il-Qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat biex fi żmien xahar iħallas lis-sidien kumpens pekunarju ta’ €170,000 u kumpens mhux ieħor ta’ €5,000 talli d-drittijiet tagħhom ma ġewx imħarsa.