Lokali

“Nevalwaw ir-rapporti”… imma mbagħad jibqgħu ċassi fil-konfront ta’ sħabhom

Il-membri tal-Gvern huma kommessi li jiddefendu lil xulxin akkost ta’ kollox, u anke meta jkunu jafu li fil-verità mhux kollox ward u żahar, kif jixtiequ jpinġuha. Dan ħareġ f’sensiela ta’ okkażjonijiet, fejn darba wara oħra ħarġu għonqohom għal xulxin.

Għamluha b’Konrad Mizzi, għamluha b’Joseph Muscat, għamluha b’Edward Scicluna, għamluha b’Carmelo Abela, għamluha b’Rosianne Cutajar, għamluha b’Edward Zammit Lewis, u issa qed jagħmluha b’Byron Camilleri.

Staqsejna lill-Ministru Clifton Grima għaliex jibqgħu jiddefendu lil xulxin akkost ta’ kollox, b’referenza għal kif qed jibqgħu jgħattu għall-falliment tal-Ministru tal-Intern fejn tidħol it-tmexxija tal-Ħabs, bi Grima jwieoeb li għal dan qed isiru lnkjesti.

Madankollu, u minkejja li Grima uża l-iskuża tal-Inkjesti – kif jidher li hi d-direttiva li għandhom id-Deputati kollha tal-Labour – m’għandux idea fil-verità kemm-il Inkjesta hemm għaddejja mit-total ta’ 14-il mewta.

Dan l-argument li għandna dejjem nistennew dak li joħroġ mill-investigazzjonijiet li jsiru minn awtoritajiet indipendenti, fl-aħħar snin smajnih diversi drabi, u qed nerġgħu nisimgħuh illum. Clifton Grima insista li wieħed għandu “jevalwa l-konklużonijiet li jsiru b’mod indipendenti”, u, fir-realtà l-awtoritajiet indipendenti ta’ pajjiżna għamlu ħafna inkjesti, rapporti u investigazzjonjiet. Iżda wara li joħorġu r-rapporti, il-Gvern Laburista jorqod fuqhom.

Mistoqsi propju dwar dan, Grima rringrazzjana tal-mistoqsijiet tagħna u ma weġibx x’azzjoni ħadu bħala Gvern wara li aċċettaw ir-rapport tal-Kummissarju George Hyzler dwar Rosianne Cutajar.

Sadanittant, anke l-Ministru Clayton Bartolo obda l-istruzzjonijiet li jidher li għandhom id-Deputati kollha tal-Labour dwar kif għandhom iwieġbu għall-mistoqsijiet dwar Byron Camilleri billi rrepeta l-kliem li “Byron Camilleri għad għandu ħafna xogħol x’jagħmel”.

U bħal ħafna kollegi tiegħu, li xi darba jew oħra kienu protagonisti ta’ skandli jew żbalji fit-twettiq ta’ xogħolhom, il-Ministru Byron Camillieri jibqa’ f’postu, u sħabu jibqgħu jagħlqu għajnejhom għar-realtà xokkanti ta’ 14-il ħajja maħsuda f’faċilità li suppost kienet qed tirriformahom.