Lokali Qorti

Ordnat jagħti kumpens morali lil qabla

Raġel ġie ordnat iħallas kumpens qabla talli rrapportaha lill-ministru tas-saħħa fuq allegazzjoni li hija kellmet ħażin lir-raġel ta’ bintu meta ma kienx vera. Martin Floriana kien ordnat jagħtiha €250 f’kumpens morali wara li l-qorti kkonkludiet li dak li allega fuqha seta’ wassal għat-tkeċċija tagħha.

Michelle Portelli fetħet kawża ta’ libell kontra Florian wara li f’April ta’ tliet snin ilu allega li Portelli kellmet ħażin lir-raġel ta’ bintu waqt li dan kien qed jibdel il-ħarqa tat-tarbija. Fl-ittra li huwa bagħat lill-Ministru kien fisser l-għemil ta’ Portelli bħala wieħed ta’ persuna xurbana jew li kienet taħt overdose. Huwa allega wkoll li Portelli kienet arroganti u tkellmet b’mod indiċenti.

Portelli ċaħdet dawn l-akkużi bil-qawwa kollha u wara li l-Qorti tal-Maġistrat ċaħditilha l-libell, hija appellat mis-sentenza. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, għamlitha ċara li ma taqbilx mal-Qorti tal-Maġistrati meta din qalet li dak li ntqal minn Florian ma naqqasx mill-kapaċitajiet tagħha.

Huwa sostna li għalkemm is-superjuri u l-kollegi m’emmnux dak li kiteb Florian u ma ttieħdux passi kontriha, il-mod kif iddeskrivieha seta’ wassal għat-tkeċċija tagħha. L-Imħallef Mintoff qal ukoll li s-sitwazzjoni setgħet żvolġiet b’mod differenti li kieku bint Florian u żewġha baqgħu jilmentaw mill-aġir tagħha.

Huwa sostna wkoll li Florian kabbar sitwazzjoni trivjali meta bagħat ittra lill-ministru b’dawn l-allegazzjonijiet. Meta ġie biex jagħti l-kumpens irrimarka li ma rriżultax li saret ħsara li affettwat lil Portelli u għalhekk ordna lil Florian jagħtiha €250 f’kumpens morali.