Lokali Qorti

Pakkett bid-droga li wasal bil-posta mill-Olanda kien inżamm iżolat

Pakkett bid-droga ta’ madwar kilo li wasal bil-posta u li kien intbagħat mill-Olanda fis-6 ta’ Mejju li għadda, erba’ t’ijiem wara kien inżamm iżolat id-dwana. Dan ħareġ minn xhieda minn uffiċjal tad-dwana fil-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ raġel ta’ 35 sena u martu ta’ 28 sena, residenti ż-Żurrieq, fejn qed jiġu mixlijin bl-importazzjoni u l-pussess tad-droga sintetika.

L-akkużati huma Keith u Maria Christina Vassallo fejn quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Dakinhar tal-arrest il-pulizija kienet qalet fi stqarrija li l-arrest tal-koppja sar wara li l-pulizija wasslet pakkett falz f’operazzjoni. Kien ingħad li l-koppja kienu diġà jinsabu taħt l-osservazzjoni tal-pulizija.

Il-każ mistenni jkompli bix-xhieda ta’ uffiċjal minn naħa tal-Malta Post. L-indirizz tal-konsinja droga li wasal minn barra l-pajjiż kien f’isem il-mara. Il-pulizija kienu segwew il-kunsinna tal-pakkett u mbagħad arrestaw lill-koppja wara li wettqu ‘controlled delivery’ permezz ta’ pakkett ‘fake’, u li dan instab fil-kċina tal-akkużati.

Il-pakkett maqbud mid-dwana instab li kien fih madwar kilo ta ’sustanza maħsuba li hija droga sintetika ġdida u  tfittxija fir-residenza pproduċiet aktar sustanzi, maħsuba li huma kokaina u eroina. Dwar dan il-każ il-Maġistrat Gabriella Vella kienet għaddejja b’inkjesta.

Ir-raġel qed jiġi mixli b’seba’ akkużi filwaqt li l-mara bi tliet akkużi. It-tnejn qed jiġu mixlija b’importazzjoni tad-droga u l-pusses li ma kienx għal użu esklussiv tagħhom. Huwa ġew mixlija wkoll li wettqu dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn skola, klabb  jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Ir-raġel ġie mixli wkoll li sar reċidiv.

Id-difiża hija mmexxija mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb filwaqr li l-Ispetturi Mark Mercieca u Alfredo Mangion qed imexxu l-prosekuzzjoni. Meta kienu tressqu f’Mejju li għadda l-Qorti l-koppja ngħatat l-pleġġ fejn fost il-kundizzjonijiet mogħtija lilhom kien hemm li jiffirmaw kuljum fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq filwaqt li Keith Vassallo għamel depożitu ta’ €7,000 u garanzija personali ta’ €16,000 u Maria Cristina Vassallo tiddepożita s-somma ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.