Lokali

Prim Ministru bla saħħa fil-konfront ta’ deputati tiegħu stess

Huwa ċar daqs il-kristall li għaldarboħra Robert Abela huwa totalment bla saħħa fil-konfront ta’ waħda mid-deputati fil-Gruppp Parlamentari tiegħu – Rosianne Cutajar.

Bħal ma kien bla saħħa fil-konfront ta’ Carmelo Abela, minkejja l-akkużi serji li jimplikawh fl-attentat ta’ serqa tal-HSBC, u bħal ma kien bla saħħa fil-konfront ta’ Edward Zammit Lewis, minkejja ċ-chats xokkanti tiegħu ma’ wieħed mill-allegat komplici fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, issa Abela qed jibqa’ ċass u bla saħħa anke wara li l-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler sab lid-Deputata Laburista Rosianne Cutajar ħatja ta’ ksur ta’ etika, u minkejja li l-istess Deputati Laburisti aċċettaw ir-rapport ta’ Hyzler.

U wara li lanqas kellu l-kuraġġ li jkun hu li jneħħiha minn Segretarju Parlamentari, anke issa, wara dak kollu li ħareġ, Robert Abela jibqa’ mhux kapaċi jieħu azzjoni serja.

F’okkażjoni rari li Abela stieden lill-media għal okkażjoni partikolari, staqsejnih jekk Cutajar kinits se teħlisha ħafif għal dak li ġiet akkużata bih. Abela wieġeb li l-Kummissarju għall-Istandards kien għamel ir-rapport tiegħu u li dan ġie aċċettat mill-Kumitat Parlamentari – xi ħaga li diġà konna nafu u li minnha nfiha ma fissret xejn għal Rosianne Cutajar u mbagħad qal li hi ma baqgħetx Segretarju Parlamentari – xi ħaġa li lanqas kienet riżultat ta’ azzjoni li ħa hu.

Fl-aħħar mill-aħħar, bi kliemu, Abela wera’ biċ-ċar li se jibqa’ ċass, minkejja dak li għamlet Cutajar.

Intant, il-Prim Ministru qed jagħmel dak kollu possibbli biex jaħrab il-media, bl-okkażjonijiiet fejn jidher quddiem il-cameras qed ikunu dejjem aktar rari. Din ukoll hija xhieda ċara ta’ kemm qed ikun skomdu jwieġeb mistoqsijiet dwar skandli u taħwid ta’ membri tal-Gvern Laburista.

Ikkummenta