Lokali

RITRATTI: 40 sena mill-attakki fuq in-Nazzjonalisti f’Ħaż-Żebbuġ

22 ta' Novembru 1981: Karozzi maħruqin mill-partitarji Laburisti f'Ħaż-Żebbuġ

Bħal-lum 40 sena ilu, partitarji Nazzjonalisti f’Ħaż-Żebbuġ sfaw fil-mira ta’ swat u tfigħ ta’ gass tad-dmugħ, f’għadd ieħor ta’ vjolenza li ħakmu s-snin 80.

Fost inċidenti vjolenti oħrajn matul dawk is-snin kien hemm il-ħruq tat-Times, it-tkissir tal-Kurja, it-tkissir tad-dar ta’ Eddie Fenech Adami, il-konfrontazzjoni f’Tal-Barrani, is-swat u l-qtil ta’ Nardu Debono fil-Kwartieri tal-Pulizija, il-qtil ta’ Raymond Caruana u l-attentat frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil.

Dawk iż-żminijiet jibqgħu mfakkra minn kulħadd għall-mod kif il-Gvern Laburista hedded il-libertà u d-demokrazija, nawwar u kkontrolla l-istituzzjonijiet li kellhom id-dmir jipproteġu liċ-ċittadin, b’użu tal-vjolenza biex jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Minn dawk is-snin, għad hemm diversi Deputati li għadhom fil-qalba tal-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela.

40 sena wara, is-snin tal-Gvern Laburista wara l-2013 kienu u għadhom iddominati minn diversi akkużi simili għal dawk li pajjiżna għex f’dak iż-żmien, fost l-oħrajn bil-qtil ta’ ġurnalista minħabba l-impunità li ħoloq l-Istat, f’att dirett biex tkun imnawra l-libertà u d-demokrazija.

Barra minhekk, dawn is-snin kienu ddominati wkoll minn diversi skandli li saħansitra wasslu biex pajjiżna llum hu greylisted madwar id-dinja kollha.

22 ta’ Novembru 1981: Parti miz-Zuntier tal-Knisja ta’ Ħaż-Żebbuġ li tkisser mill-partitarji Laburisti