Internazzjonali

Russja: Il-Gazprom se twaqqaf il-provvista tal-gass lill-Moldova

Il-kumpanija taż-żejt tar-Russja, Gazprom, ftit tal-ħin ilu, għamlitha ċara li għandha twaqqaf il-provvista tal-gass lill-Moldova — waħda mill-ġirien ta’ Moska — fi żmien 48 siegħa.

Stqarrija mill-entità Russa — li hi fost l-akbar intrapriżi tal-gass fid-dinja — sostniet li għaddejjin it-tħejjijiet għas-sospensjoni tal-provvisti tal-gass naturali lill-Gvern f’Chisinau f’każ li ma tirċivix pagament dovut lilha ( mingħand il-Moldova) li suppost kellu jseħħ millum stess.

Il-Moldova u r-Russja kienu ffirmaw ftehim ġdid għall-provvista tal-gass wara li l-kuntratt preċedenti bejn il-pajjiżi skada f’Settembru. Il-Moldova qalet li, dan ix-xahar stess, kellha tħallas mal-$450 għal kull 1,000 metri kubi tal-gass prodott mir-Russja — intant, il-prezz tar-riżors kapaċi jkun madwar l-$400 f’Diċembru kuntrarju għall-$250 taħt il-kuntratt preċedenti.