Internazzjonali

Stati Uniti: Diversi maqtula u midruba wara li karozza baqgħet dieħla f’parata tal-Milied

Mietu talanqas ħames persuni – b’aktar minn 40 jisfaw midruba – wara li karozza baqgħet dieħla straxxnata f’parata relatata mal-programmi tal-Milied fl-Istat Amerikan ta’ Wisconsin.

Il-pulizija li qed tinvestiga l-każ intant qalet li s-sitwazzjoni mhix qed tidher bħala att ta’ terroriżmu, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Fil-ħin tal-inċident – li seħħ fil-belt ta’ Waukesha — kienu qed jipparteċipaw fil-parata diversi skejjel tal-iskola flimkien ma’ kumpanija taż-żfin għall-persuni anzjani. Intant, il-parteċipanti ma kellhom l-ebda ċans li jiżgiċċaw il-karozza tat-tip SUV li kienet qed issuq lejhom b’veloċità inkredibbli.

Ħarġu wkoll filmati tal-karozza litteralment qed tifqa’ l-barrikati qabel laqtet grupp  ta’  mużiċisti li kienu fit-triq waqt il-parata. Il-midruba anki jinkludu numru ta’ qassisin, parruċċani u studenti li jattendu skola Kattolika lokali.

Intant, il-vettura laqtet għexieren ta’ nies oħra – fosthom tfal – bil-pulizija, ftit wara, jarrestaw raġel li ssemma bħala x-xufier u li kien identifikat minn uħud bħala mużiċista ‘rapper’. Ingħad ukoll li s-suspettat x’aktarx li kien ‘qed jaħrab minn post ieħor bil-karozza’ meta nzerta quddiemu l-parteċipanti f’din il-parata.

Il-karozza baqgħet għaddejja tul ir-rotta minfejn kellha tgħaddi l-parata fost il-paniku tan-nies fl-inħawi – u t-twerżiq tan-nies li ntlaqtu minn dan l-SUV.

Fl-eqqel tal-paniku, numru ta’ pulizija bdew iduru maz-zona u jwissu lin-nies biex jidħlu għall-kenn fil-ħwienet u l-istabbilimenti tal-inħawi.

In-numru tal-mejtin u midruba fl-inċident mistenni li jinbidel fis-sigħat sussegwenti — bl-isptarijiet ta’ Wisconsin qed ikomplu jdaħħlu l-midruba, fosthom persuni f’kundizzjoni kritika.

Fl-istess ħin, l-iskejjel pubbliċi ta’ Waukesha għalqu għall-ġurnata sħiħa, bl-awtoritajiet lokali joffru servizzi ta’ counselling lir-residenti tal-belt li spiċċaw trawmatizzati mill-inċident.

Il-parata f’Waukesha – komunità ta’ madwar  72,000, lejn il-punent ta’ Milwaukee – hi tradizzjoni li ssir kull sena f’dawn iż-żmenijiet u li fiha jispikkaw parteċipanti bil-kostumi, diversi floats, kumpaniji taż-żeffiena u baned li jispeċjalizzaw fil-marċijiet. Intant, l-avveniment inkwistjoni kien qed jerġa’ jsir wara nuqqas ta’ sena minħabba l-pandemija tal-coronavirus.