Internazzjonali

Wara l-isplużjoni tal-2020 fil-Libanu: In-NU qed ‘iżżomm lura l-informazzjoni’

Diversi sorsi tal-aħbarijiet – fosthom il-BBC – żvelaw il-possibbiltà li n-Nazzjonijiet Uniti injorat it-talbiet għall-informazzjoni mingħand il-familji Lebaniżi li tilfu l-għeżież fl-isplużjoni storika ta’ Awwissu tal-2020 fil-port ta’ Bejrut. Il-familji jridu din l-informazzjoni bħala ‘xi ħaġa kruċjali’ għall-investigazzjoni ta’ din l-isplużjoni li ħalliet 219 mejtin.  

Fil-fatt, l-investigazzjoni spiċċat imxekkla mill-pospoinimenti u diversi forom ta’ diżgwid — bil-familji tal-vittmi tal-isplużjoni għadhom ‘il bogħod sew milli jkunu jafu ‘min seta’ kien jaħti’ għall-isplużjoni qattiela.

Fl-4 ta’ Awwissu tal-2020, ammont kbir ta’ ammonium nitrate li kien qed jinżamm fil-Port ta’ Bejrut spiċċa sploda b’riżultati devastanti u fejn, minbarra l-mejtin, ħalla eluf kbar ta’ midruba u talanqas 300,000 ċittadin mingħajr djar.

L-investigazzjoni uffiċjali dwar l-isplużjoni kienet mistennija tipprovdi l-verità tal-fatti, iżda l-inkjesta staġnat wara li politiċi ewlenin Lebaniżi ressqu diversi lmenti wara li kienu mitluba biex  jagħtu x-xhieda tagħhom relatata mal-każ.

Fil-fatt, protesta, f’Bejrut, kontra imħallef ewlieni nkarigat mill-każ irriżultat f’numru ta’ konfronti vjolenti u sparaturi  li swew il-ħajja ta’ seba’ persuni.

Il-kwistjoni firdet il-Kabinett tal-Libanu li ilu xahar ma jiltaqa’ fi żmenijiet ta’ kriżi nazzjonali, u bin-nuqqas ta’ progress iwassal għall-kritika fuq livell internazzjonali. Intant, qed jidher  li n-NU setgħet għamlet aktar biex tgħin din is-sitwazzjoni fost rapporti li qed li tonqos milli twieġeb it-talbiet għall-informazzjoni mingħand il-familji Lebaniżi mġarrba,. Dan wara li n-NU kienet sejħet għal ‘investigazzjoni fil-pront li sservi l-interessi tal-ġustizzja’.