Lokali

WARA L-KAŻ TAL-BELT: “Għandna nkunu aktar sensittivi lejn dawk ta’ madwarna”

“Għandna nkunu sensittivi għall-bzonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna sabiex ngħinu kemm jista’ jkun lil dawk li qegħdin fil-bżonn.”

Dan kien l-appell ta’ Natasha Azzopardi Muscat, Tabiba u d-Direttur tal-Policies u s-Sistemi tas-Saħħa mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-Ewropa, waqt is-sitt konferenza annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, bit-tema “Shaping the future: the mental health of our nation”.

Hi sostniet li barra minhekk, għadna naprezzaw il-fatt li kull individwu għandu l-istorja tiegħu u għalhekk, għandna nqisu kull kelma li ngħidu u noqgħodu attenti fl-imġieba tagħna.

Natasha Azzopardi Muscat irreferiet ukoll għall-pandemija tal-Covid-19 u li wkoll, sfortunatament, kellha impatt kbir fuq is-saħħa mentali taż-zgħażagħ, tfal u anke fuq dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Kawża ta’ hekk, kien hemm żieda qawwija fl-għadd ta’ persuni li jbatu mill-ansjetà u d-dipressjoni. Għaldaqstant, hi appellat għal aktar miżuri u interventi biex il-problemi li nħolqu ma jsirux kriżijiet li jibqgħu magħna għal dejjem.

Fil-messaġġ tagħha, hija kompliet li bħala soċjetà rridu naħdmu biex nibnu ekonomija aħjar u naċċertaw ruħna li s-saħħa mentali tkun ċentrali fil-Pjan ta’ Rkupru li d-dinja qed taħdem tant dwaru.

Fl-aħħarnett Natasha Azzopardi Muscat tenniet li kull min iħossu għaddej minn perjodu diffiċli, għandu jitkellem kemm ma’ tal-familja, kif ukoll ma’ sħabu tax-xogħol, filwaqt li jfittex l-għajnuna permezz tal-helplines.