Lokali

Wegħdiet miksurin mas-sajjieda: wegħduhom post fejn iżommu d-dgħajjes fix-xitwa, iżda minflok tawhom multi u spejjeż

Wasal iż-żmien li nwarrbu l-politika li twiegħed kollox u ma twettaq xejn. Mhux ġust li qabel l-elezzjoni wegħdu li ser itaffu l-problemi tas-sajjieda billi tinbena ‘Boatyard’ f’Marsaxlokk iżda ħames snin wara ma sar xejn u s-sajjieda ġew agħar milli qatt kienu qabel, hekk kif qed jaffaċjaw multi u spejjeż meta jtellgħu il-bastimenti tagħhom l-art.

Dan qaluh il-Kelliem Ewlieni Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Errol Cutajar minn ħdejn l-iskall bil-luzzijiet għat-tiswija f’Marsaxlokk. Agius insista li l-ħut frisk u bnin maqbud fil-baħar Malti hu sors importanti ta’ nutriment kemm għall-familji Maltin, kif ukoll għal min iżurna u jkun irid iduq il-prodott Malti.

Hu għalhekk li kull min imexxi, għandu d-dover li jkun ta’ appoġġ għas-sajjied li lest jistinka u jaffronta l-elementi u l-perikli biex ipoġġi l-ħut bnin fuq il-mejda tal-Maltin.

Dan bħalissa mhux qed isir, bis-sajjied irid jaffronta burokrazija dejjem akbar u ma jsibx il-wens meħtieġ mill-awtorità. Agius spjega kif il-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista tal-‘Aqwa Żmien’ jgħid iswed fuq l-abjad li għandha ssir Boatyard li ssolvi l-problema tas-sajjieda li jkollhom bżonn post fejn iżommu d-dgħajsa l-art sakemm isiru żebgħa u tiswijiet.

Qal li sajjieda esprimew disprament li din is-sena u ta’ qabel kien hemm bosta li ma setgħux itellgħu d-dgħajjes għax sempliċiment ma ssibx fejn tpoġġihom. Dan qed isir b’sogru għall-manteniment meħtieġ fuq l-opri tal-baħar, kif ukoll għas-sigurtà tal-istess sajjieda.

Min-naħa tiegħu, Errol Cutajar spjega kif bosta sajjieda resqu lejh u spjegaw is-sitwazzjoni inkwetanti biex itellgħu d-dgħajjes tagħhom bl-użu tal-‘hard standing facility’: faċilità ta’ rmonk ta’ dgħajjes li tinsab f’Marsaxlokk u li hi investiment, li iżda s-sajjieda qed jintalbu rapporti li jiswew mijiet ta’ ewro qabel tintuża l-faċilità.

Cutajar insista kif is-sitwazzjoni hi tali li, speċjalment għal bastimenti kbar, numru ta’ sajjieda qed jagħżlu li jkun jaqblilhom li jmorru f’port fi Sqallija u jirmonkaw id-dgħajsa tagħhom hemm milli jużaw il-faċilitajiet hawn Malta.

Il-kelliema semmew ukoll li hu fundamentali li l-flejjes tal-fondi Ewropej jintefqu bl-għaqal u b’konsultazjzoni kontinwa mas-sajjieda nfushom b’mod miftuħ u bla preġudizzju bejn iż-żewġ kooperattivi tas-sajjieda. Dan jista’ jevita li jsiru xogħolijiet li mbagħad jitqiesu mhux sodisfaċenti bħalma hu l-każ tal-breakwater imwiegħed, li s-sajjieda stess iqisu li ma sarx tajjeb u li mhux iserħilhom rashom li d-dgħajjes tagħhom ikunu sikuri fil-maltemp.

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri politika ferm aktar qrib is-sajjied, fost l-oħrajn bi proposta li s-sajjieda jkunu megħjuna jaffrontaw il-burokrazija tal-fondi Ewropej b’assistenza diretta li tgħinhom fl-applikazzjonijiet. Dan hu fundamentali għax huma bosta s-sajjieda li sempliċement jaqtgħu qalbhom jaċċessaw fondi Ewropej minħabba l-kumplessità burokratika.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti wkoll li bil-politika ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista jkun hemm enfasi kontinwu fuq il-bżonn tal-appoġġ tal-pajjiż kollu għall-prodott Malti, li mhux biss hu sors ta’ nutriment u sigurtà tal-ikel għan-nazzjon, filwaqt li jirrakkonta wkoll tradizzjoni u identità u allura, hu wkoll espressjoni fundamentali ta’ min aħna l-Maltin u l-Għawdxin.