Lokali

Ikomplu jiggradwaw aktar studenti

Ġurnata oħra fejn il-ħolma ta’ diversi żgħażagħ saret realtà. Dan hekk kif wara nuqqas ta’ sena minħabba l-pandemija tal-COVID-19, komplew isisru ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni fl-Università ta’ Malta.

Fis-Sala Sir Temi Zammit it-Tlieta kien imiss lill-istudenti li gradwaw mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fosthom il-kollega u ġurnalista ta’ Net News Sherona Debono. Gradwaw ukoll l-istudenti mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni.

Sabiex setgħu jinżammu dawn il-gradwazzjonijiet u fl-istess ħin jitħarsu l-protokolli maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fis-sala qed jiddaħħlu l-gradwati filwaqt li l-qraba taghhom qed jintalbu jsegwu b’mod dirett iċ-ċerimonja taħt tinda fuq big screen f’Parkeġġ numru 6 jew fuq is-sit u l-paġna ta’ Facebook tal-Università.

Matul il-jum tat-Tlieta, komplew ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal-istudenti u l-buscades tradizzjonali. Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ NET Television tawgura l-isbaħ xewqat lil dawn il-gradwati kollha li temmew l-istudji taghhom mill-Universita ta’ Malta.