Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela irid jgħaddi lill-ħaddiema biż-żmien

Illum il-Gvern ta’ Robert Abela kkonferma li meta l-Gvern Laburista kien wiegħed fl-2013 li jintroduċi l-basic living wage dan kien għamlu biex jidħaq bil-ħaddiema.

Permezz tal-kelliem Jason Azzopardi l-Kelliem għax-Xogħol, Taħriġ, il-Kompettività u Intrapriża, il-PN qal li llum il-Gvern ta’ Robert Abela, permezz tal-Ministru Carmelo Abela, ħabbar fl-intervista fil-Malta Independent, li l-anqas biss irid jippubblika rapport li qal li għandu fuq din il-wegħda li huwa stess kien għamel 9 snin ilu.

Illum il-Gvern ta’ Robert Abela wera kif jimxi mal-ħaddiema, speċjalment ma’ dawk fil-prekarjat: jurihom id-debba u jqabbżilhom il-ħmara. Wara disa’ snin iwiegħed li jintroduċi basic living wage, lanqas biss għandu d-diċenza jippubblika rapport li għamel fuq il-wegħda ewlenija tiegħu fuq l-istess suġġett.

Il-Partit Nazzjonalista jisfida lill-Gvern biex imqar b’rispett lejn dawk l-eluf ta’ ħaddiema li spiċċaw jgħixu biex jaħdmu fil-prekarjat ta’ 80 siegha fil-ġimgħa bla drittijiet bażiċi, minflok jaħdmu biex jgħixu ħajja deċenti, jippubblika dan ir-rapport li huwa qal li għandu.

Il-Partit Nazzjonalista ifakkar li dan hu l-istess Ministru Carmelo Abela li disa’ xhur ilu wiegħed rapport biex jistudja l-qagħda tal-platform workers, iżda m’għamel xejn. Dan huwa l-istess Ministru Carmelo Abela li bħal-lum sena ilu eżatt wiegħed uffiċjalment li kien ħa jirrevedi l-wage regulation orders li jirregolaw il-benefiċċji u pagi ta’ ħaddiema f’diversi setturi, iżda sena wara għadu jittewweb.

Il-Partit Nazzjonalista, f’isem l-eluf ta’ ħaddiema li qed ibatu fil-prekarjat u li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, jesprimi l-istmerrija tiegħu għal dan l-ingann, abbuż u daħq fil-wiċċ tal-Gvern ta’ Robert Abela.