Lokali Parlament

Jekk il-Gvern mhux se jgħin lir-raħħala allura se nispiċċaw bla ikel frisk Malti

– Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo tkellem fil-parlament dwar it-tbatjiet ta’ ħafna raħħala Maltin u Għawdxin u qal li dawn għaddejjin minn mumenti diffiċli għaliex żdiedu l-prezzijiet tal-ġwież tal-annimali.

Jekk il-Gvern Laburista m’hux se jintervjeni allura pajjiżna fi ftit tax-xhur u snin jista’ jispiċċa mingħajr ikel frisk. Jispiċċaw il-laħam, il-ħalib, il-ħaxix… Il-Ministru tal-Finanzi għandu jgħin lir-raħħala, lill-bdiewa u lis-sajjieda.

Dan hu mument partikulari u jekk il-Gvern ifalli milli jindirizzah, allura għada pitgħada se nispiċċaw f’sitwazzjoni gravi ħafna. Tajjeb li l-Parlament Malti jaqsam it-tħassib ta’ dawn in-nies involuti li qed jitkellmu dwar din il-kriżi serja.

Il-ftit raħħala li fadal se jispiċċaw jiddeċiedu li ma jaqblilhomx aktar li jkomplu jrabbu l-bhejjem tagħhom għas-sempliċi raġuni li l-prezzijiet tal-ġwież qed jiżdied b’mod qawwi ħafna.

Il-Gvern sab flus għal kollox u għal kulħadd u għalhekk għandu jsib ukoll flus biex jgħin lis-settur tar-raħħala, il-bdiewa u s-sajjieda.

Il-Gvern għandu jaħdem qatigħ biex pajjiżna ma jkunx jiddependi mill-importazzjoni ta’ ċertu ikel frisk biss. Il-Gvern għandu jagħmel minn kollox biex iħares il-provvisti tal-ikel frisk li hawn f’pajjiżna.

Din hi r-realtà attwali diffiċli li għaddejjin minnhom il-bdiewa bħalissa, is-sajjieda attwli u kull min għandu xi risotant.

Hu qal li l-Gvern wiegħed li se jgħin biex jitnaqqsu n-nollijiet tal-merkanziji li qed jiddaħħalu fil-pajji.

Edwin Vassallo qal li hawn negozjanti li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji. Hawn nuqqasijiet ta’ cash flow fl-idejn. Kulma qed jimportaw ir-raħħala, il-bdiewa u s-sajjieda hu ferm ogħla minn qatt qabel.

Il-Gvern għandu joħloq kumpens biex ir-raħħala jlaħħqu maż-żidiet fil-ġwież. Dak imwiegħed fil-Baġit għandu jibda minnufih biex iż-żidiet fit-tariffi tal-ġarr minn pajjiż għall-ieħor ikunu indirizzati b’mod immedjat.

Edwin Vassallo kompla li kull direttivi li l-Gvern jimponi fuq xi istituzzjoni bankarja, tispiċċa biss biċċa burokrazija oħra li jkollhom jiffaċċjaw in-nies. Kull proċedura burokratika tispiċċa biss spiża.

Hu qal li pajjiżna ma jistax jibqa’ maqful fil-penthouse ta’ min imexxi u ma jkunx jaf x’inhu jiġri fost in-nies. Tajjeb għalhekk li kulħadd ikun jaf kif qed jaħdmu l-banek. Għaliex tant kjuwijiet wara l-bibien tal-banek? Nies anzjani jistennew għal ħinijiet twal! X’qed jiġri fil-banek? Għaliex tant tariffi moħbija?

In-nies, jekk se nibqgħu mexjin hekk, se jispiċċaw ma jafdawx aktar lil-banek u jibdew jirraġunaw li aħjar jibqgħu jżommu flushom id-dar.

L-ispejjeż tal-banek għan-negozjanti żgħar għaliex iħaddmu inqas minn għaxar min-nies. Dan kollu tort tal-Grey Listing u issa din it-tbatija qed ikollu jġorrha l-poplu kollu.

Hemm barra fil-kummerċ hemm sitwazzjoni tat-tħassib. Sitwazzjoni mill-aktar prekarja. Imma issa x’se nagħmlu?

Dan il-pajjiż jinsab fi kriżi ta’ awtorità morali. U allura għandna kriżi ta’ moralità fiskali. Ħruġ ta’ ammonti kbar ta’ direct orders bla ma ħadd jerfa’ l-ebda responsabbiltà.

U xi ngħidu għall-Eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li qed jiekol b’għaxart iħluq! U mhux kulħadd jftakar l-istorja tal-garanzija bankarja lill-Electrogas? Mela l-Gvern Laburista jisparpalja l-flus… iżda issa jridu jiġbru l-flus mingħand il-poplu! U l-istorja tal-Vitals u tal-Isteward li ħadu miljuni kbar ta’ ewro f’kuntratt korrott!