Lokali Qorti

L-MUT tippreżenta żewġ protesti ġudizzjarji kontra l-Ministeru għall-Edukazzjoni

Il-Malta Union of Teachers ressqet żewġ protesti ġudizzjarji kontra l-Ministeru għall-Edukazzjoni għan-nuqqas tiegħu li jagħti r-rikonoxximent lill-MUT ta’ numru ta’ impjegati. Il-protesti ġudizzjarji jsegwu talbiet li saru diġa għal rikonoxximent ippreżentati lill-Ministeru u lid-Direttorat tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali.

L-ewwel protest ġudizzjarju jinvolvi t-talba għal rikonoxximent tal-gradi ta’ School Technician li huma impjegati direttament mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Minkejja li jirreġistra l-maġġoranza tal-membri f’dan il-grad, il-Ministeru qed jonqos milli jirrikonoxxi lill-MUT bħala l-unjoni unika għar-rappreżentazzjonijiet kollettivi.

It-tieni protest ġudizzjarju li sar kontra l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) jinvolvi l-gradi ta’ Senior Administrative Officers, Senior Library Assistants, Library Assistants, Junior IT officers u IT officers impjegati mill-MCAST. L-MCAST u l-Ministeru qed jonqsu milli jagħtu r-rikonoxximent ta’ dawn il-gradi minkejja l-maġġoranza tal-membri rispettivi li huma reġistrati mal-MUT.

L-union għandha tiltaqa’ mal-membri affettwati biex tiddiskuti t-triq ‘il quddiem. Il-protesti ġudizzjarji tressqu mill-avukati Dr Keith Borg u Dr Rebecca Mercieca li jirrappreżentaw lill-MUT.