Lokali

Mara arrestata fl-ajruport b’rabta ma’ pussess ta’ droga kokaina

Olandiża ta’ 44 sena se tkun qed titressaq il-Qorti t-Tlieta waranofsinhar wara li ġiet arrestata mill-Pulizija mal-wasla tagħha f’Malta minn Brussell. Hija nstabet fil-pussess ta’ aktar minn żewġ kilogrammi droga suspettata kokaina li l-valur tagħha fit-triq hu ta’ kważi €260,000.

Il-Pulizija qalet li l-mara ġiet arrestata wara li l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kellha informazzjoni li passiġġiera li kienet ġejja Malta mill-Belġju kienet fil-pussess ta’ droga. Minn tfittxija li saritilha mal-wasla tagħha f’Malta, il-pulizija sabulha s-suspettata droga f’diversi pakketti.

Il-mara ġiet skortata lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar stħarriġ.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea fejn ħatret diversi esperti. Il-mara se titrtessaq il-Qorti, għal xi sagħtejn ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.