Lokali

Mara ssofri feriti gravi f’inċident f’Birżebbuġa

Mara ta’ 61 sena weġġgħat gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku, it-Tnejn għall-ħabta tal-5:30pm fi Triq Birżebbuġa, Birżebbuġa.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post fejn irriżulta li seħħ inċident bejn żewġ karozzi, t-tnejn, waħda misjuqa minn mara ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun u oħra misjuqa minn raġel ta’ 61 sena, residenti Birżebbuġa.

Fil-karozza, mal-mara, kien hemm ukoll tifel ta’ 3 snin.

Iż-żewġ sewwieqa ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħdu l-Isptar b’ambulanza. Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li r-raġel kien iċċertifikat bi ġrieħi ħfief.

It-tifel ta’ 3 snin ittieħed l-isptar sabiex jiġi żgurat li ma sofra l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.